Sport Sport Ieħor

Rodney Gatt u Francesco La Rosa indaqs fil-kampjonat tal-Mediterran

Big Finish ta' Rodney Gatt (numru 9) jidher jaqsam il-linja finali b'distakk minimu (Ritratt: Joseph Galea)
Issir il-15-il laqgħa tas-sena

Rapport: Kenneth Vella

Malta ospitat żewġ heats mill-kampjonat tal-Mediterran għas-sewwieqa fuq distanza qasira ta’ 2140m. Dawn il-heats kienu jagħmlu parti mill-ħmistax–il laqgħa tal-istaġun fuq tmien tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott. F’dan il-kampjonat Malta kienet rappreżentata mill-aħjar sewwieqa tal-istaġun li għadda Rodney Gatt.

Ħadu sehem ukoll l-Isqalli Francesco La Rosa, is-Serb Aleksandar Bogdanovic; ir-Russu Genadii Bolshakov u l-Franċiż Michael Izzo. Dawn saqu żwiemel mill-klassi Bronze u Silver. Il-heats intebħu minn La Rosa u Gatt rispettivament li wkoll spiċċaw fl-ewwel post flimkien fil-klassifika ġenerali.

Fl-ewwel heat internazzjonali li fiha s-sewwieqa saqu żwiemel mill-klassi Bronze, Jezira, li kienet f’idejn Rodney Gatt, kienet għal ħafna ħin quddiem.  Iżda din ċediet kollox fid-dritta finali meta nqabżet minn Command Coger (Francesco La Rosa) li ħa l-ewwel rebħa tas-sena b’tul minn Record Du Mexique (Marvin Cauchi) u Tirana C.N. (Genadii Bolshakov). Veinard Fouteau (Jonathan Farrrugia) daħal fir-raba’ pożizzjoni.

Minn naħa l-oħra, fit-tieni heat is-sewwieqa saqu żwiemel mill-klassi Silver. Din il-heat kienet ikkaratterizzata minn taqtigħa eċċitanti bejn erba’ żwiemel fid-dritta finali. Eventwalment kien Rodney Gatt li qasam il-linja finali l-ewwel permezz ta’ Big Finish. Dan bi ftit minn Solide Du Jayle (Tony Cauchi) u Ikaros Stursk (Michael Izzo – Franza).

Virtual Paradise, f’idejn it-Taljan Francesco La Rosa u li kien għal xi metri quddiem, temm fir-raba’ pożizzjoni. B’hekk fil-klassifika finali tal-ewwel stadju, Rodney Gatt u Francesco La Rosa spiċċaw flimkien fl-ewwel post b’9.5 punti kull wieħed. Warajhom temm ir-rappreżentant Russu b’ħames punti segwit minn dak Serb.

Il-laqgħa nkludiet ukoll iż-żewġ tiġrijiet semifinali mit-Tazza San Frangisk tal-klassi Copper fuq distanza qasira ta’ 2140m. Minnhom tnax–il żiemel għaddew għall-finali. Fl-ewwel semfinali kien il-Franċiż Duc d’Haufor (Redent Magro) li ħa t-tieni rebħa infila.

Dan beda jżid fil-ġiri fuq in-naħa ta’ barra madwar 600 metru mil-linja finali u mar quddiem ftit metri mit-tmiem. Qasam il-linja finali l-ewwel b’tul minn Nimbus Bjerregard (Clifferty Calleja), Uranium Des Arkads (Kurt Saliba) u Desir La Douve (Shaun Portelli). Clarito (Alex Cortis) u Yoda T. Dream (Christian Xerri) għaddew ukoll għall-aħħar fażi wara li daħlu warajhom f’dik l-ordni.

Ferm kumbattuta kienet it-tieni semifinali mill-istess kampjonat fejn għal darba oħra kien protagonist ewlieni s-sewwieq Redent Magro. Hawnhekk kellna tmiem inċert bejn l-Olandiż Dreamed Victory (Redent Magro) u Freddie Melon (Charlton Gauci).

Eventwalment kien iż-żiemel ta’ Magro li ġie dikjarat rebbieħ mill-ġurija wara li kkonsultat il-photofinish. Petrus Du Vivier (Julian Farrugia), Devil Somolli (Rodney Gatt), Revenge Alone (Andrew Farrugia) u Tasco (Shaun Portelli) kienu l-aħħar żwiemel li għaddew għall-finali.

Il-laqgħa nkludiet ukoll tiġrija normali tal-klassi Premier fuq distanza twila ta’ 3140m bit-Taljan Okay Dei Ronchi ta’ Noel Baldacchino jieħu t-tielet rebħa minn daqstant ħarġiet f’Malta u b’vantaġġ kbir ta’ ħdax-il tul.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Klassi Copper Dist – 3140m. 1. Axenara (T. Demanuele) Ħin – 4.10” (1.19.6”) 2. Very Crazy Quick (. Baldacchino) 3. Akemi (C. Gerada) 4. Tell You Off (N. Cauchi)

II Tiġrija Klassi Copper. Dist – 3140m. 1. Caprice Normand (J. Xerri) Ħin – 4.09.3” (1.19.4”) 2. Casper Du Valo (K. Agius) 3. Dulcinee Du Chene (Ch. Vassallo) 4. Cabessa Negra (A. Cassar)

III Tiġrija Semi Finali Tazza San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Duc d’Haufor (R. Magro) Ħin – 2.46.9” (1.18”) 2. Nimbus Bjerregard (C. Calleja) 3. Uranium Des Arkads (K. Saliba) 4. Desir La Douve (Sh. Portelli) 5. Clarito (A. Cortis) 6. Yoda T. Dream (Ch. Xerri)

IV Tiġrija Heat Kampjonat tal-Mediterran. Klassi Bronze. Dist – 2140m. 1. Command Coger (F. La Rosa – ITA) Ħin – 2.45.7” (1.17.5”) 2. Record Du Mexique (M. Cauchi) 3. Tirana C.N. (G. Bolshakov – RUS) 4. Veinard Fouteau (Jon. Farugia)

V Tiġrija  Semi Finali Tazza San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Dreamed Victory (R. Magro) Ħin – 2.45.2” (1.17.4”) 2. Freddie Melon (Ch. Gauci) 3. Petrus Du Vivier (J. Farrugia) 4. Devil Somolli (R. Gatt) 5. Revenge Alone (A. Farrugia) 6. Tasco (Sh. Portelli)

VI Tiġrija Heat Kampjonat tal-Mediterran. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Big Finish (R. Gatt) Ħin – 2.48.4” (1.18.7”) 2. Solide Du Jayle (T. Cauchi) 3. Ikaros Stursk (M. Izzo – FRA) 4. Virtual Paradise (F. La Rosa – ITA)

VII Tiġrija Klassi Premier. Dist – 3140m. 1. Okay Dei Ronchi (N. Baldacchino) Ħin – 4.03.1” (1.17.4”) 2. The Au Lait (H. McKay) 3. Sugarboy Petoj (J. Briffa) 4. Sephiro Flam (C. Farrugia)

VIII Tiġrija Klassi Gold. Dist – 3140m. 1. Tlemcen (P. Galea) Ħin – 4.07.2” (1.18.7”) 2. Breidabliks G.T. (O. Cauchi) 3. Roi Des Couperies (C. Calleja) 4. Sharif America (M. Sammut)