Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa lill-Gvern tas-Sirja li pajjiżu jinsab preparat u lest biex jerġa’ jattakkalu l-faċilitajiet speċifiċi f’każ li l-amministrazzjoni tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, iwettaq ‘aktar attakki kimiċi’ fuq niesu.
It-twissija ngħatat wara li qawwiet tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza laqtu tliet siti fis-Sirja b’reazzjoni għal suspettat attakk qattiel bl-armi kimiċi li seħħ jiem ilu fil-belt Sirjana ta’ Douma. Is-Sirja qed tiċħad li qatt użat il-kimika għall-attakki filwaqt li sostniet li l-attakk inkwistjoni ‘kien tħejja mir-ribelli ta’ kontra Assad’.
Fl-aħħar sigħat, ir-Russja, alleata tas-Sirja, ressqet vot għall-kundanna tal-attakki fuq is-siti Sirjani quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-vot kien miċħud, biċ-Ċina u l-Bolivja biss jivvutaw favur ir-riżoluzzjoni fost il-15 il-Stati-membri tal-Kunsill.
Il-mewġa ta’ attakki mill-qawwiet tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza fuq l-interessi ta’ Assad tirrappreżenta l-aktar offensiva sinifikanti mill-Punent kontra l-Gvern ta’ Damasku tul dawn is-seba’ snin ta’ gwerra ċivili fis-Sirja.
Sadanittant, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza ressqu abbozz ta’ riżoluzzjoni ġdid lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u li jsejjaħ għal investigazzjoni indipendenti dwar l-allegat użu ta’ armi kimiċi mis-Sirja. Iniżjattivi simili, qabel, kienu suġġetti għall-veto tar-Russja u l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, akkużat lil Moska dwar ‘politika ta’ tfixkil li ma ħallietx alternattiva għall-attakki militari fuq il-Gvern tas-Sirja’.
L-Ispetturi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) fl-aħħar sigħat kienu qed iħejju biex iżuru Douma. Iżda l-OPCW mhix qed taħseb biex issemmi, pubblikament, lill-entitajiet responsabbli għall-attakk, bħalma jridu l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza. Min-naħa tagħha, ir-Russja qed tgħid li ‘l-allegat attakk bil-kimika f’Douma kien organizzat bil-għan li jwassal għall-attakki militari fuq is-Sirja’.
Filwaqt li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, akkuża lill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza dwar ‘atteġġjament ċiniku’ u ‘dispożizzjoni għal azzjoni mgħaġġla’, ir-Rappreżentanta Amerikana għan-NU, Nikki Haley, wissiet li l-Istati Uniti ‘hi lesta u qed tistenna għal meta r-reġim Sirjan jerġa’ juża l-gass velenuż fuq il-poplu tiegħu’.
Haley għamlitha ċara wkoll li ‘il-komunità internazzjonali ma tistax toqgħod tħares waqt li r-Russja tippermetti l-użu ta’ armi kimiċi ( minn Stat ieħor) qisu qatt ma kien xejn’.
Fost is-siti milqutin fir-rejds ta’ tmiem il-ġimgħa fis-Sirja hemm il-kumpless ta’ Barzeh, li l-Istati Uniti fissritu bħala ċentru għall-iżvilupp u produzzjoni tal-armi bioloġiċi u kimiċi. Is-Sirja qed jiċħad li l-kumpless, li ġarrab ħsarat kbar, għandu dik il-funzjoni.
Waqt ir-rejds tal-alleati, id-difiżi Sirjani sparaw għexieren ta’ missili li, fi kliem uffiċjali tal-Pentagon Amerikan, ‘ma laqtulhom lill-ebda ajruplani’. Kemm l-Amerikani kif ukoll ir-Russi qalu li ħadd ma tilef ħajtu fl-attakki tal-alleati tal-Punent li tmexxew bi preċiżjoni, anki jekk kelliema Sirjani qalu li ‘indarbu numru ta’ nies viċin ta’ Homs’.
L-Istati Uniti qalet li kienet ikkomunikat mar-Russja bil-proċeduri normali qabel l-attakki fuq is-Sirja. Dan fost it-tħassib li l-kriżi tas-Sirja setgħet tirranka bil-kbir li kieku l-qawwiet tal-Punent kellhom jolqtu lill-militar Russu fit-territorji Sirjani.
//= $special ?>

