“Id-dokument tal-Gvern b’tibdil għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni sar bl-għaġla”. Kienet din il-konklużjoni tal-Avukat Bernard Grech waqt li kien qed jitkellem fil-programm NET Live.
“Nibża’ li d-dokument, apparti li jidher li sar b’ċertu għaġla, jew jekk sar b’attenzjoni ma ġiex rivedut sew – għax anke żbalji tal-ortografija fih. Jiġifieri li int tieħu żbalji fl-ispelling tal-liġi għalija m’hemmx fejn tasal iżjed”, qal-Avukat Bernard Grech.
Bernard Grech esprima tħassib li d-dokument tal-Gvern seta’ sar bl-għaġla biex jaħbi skop ulterjuri.
L-Avukat Grech innota li l-ħajja tibda mill-konċepiment u għaldaqstant dan ifisser li anke l-embrijuni għandu jkollhom id-drittijiet tagħhom.
“Donnu hemm barra qed nipprovaw indaħħlu l-idea li din hi liġi tal-embrijuni – u allura, għax m’hemmx il-kelma ‘tarbija’, ‘bniedem’, jew ‘persuna’, qisu dak l-embrijun mhuwiex tajbija”, qal Bernard Grech.
Il-kummenti tal-Avukat Bernard Grech ikomplu jżidu mat-tħassib li qed jiġi espress mis-soċjetà dwar il-mod kif il-Gvern irid ibidde il-liġi li suppost tipproteġi lill-embrijuni.
Ma’ dawn il-vuċijiet jingħaqad ukoll l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri tar-Rabat Għawdex, li f’pubblikazzjoni li titqassam għand in-nies irrimarka li dawk li suppost qegħdin jiddefendu l-ħajja, illum saru l-ewwel promoturi tal-qtil.
Hu żied jgħid li b’dan li qed jgħid mhux qed ikun politiku jew partiġġjan għax fejn tidħol il-ħajja, m’hemmx partiti u kantunieri. “Qatt m’għandna nagħlqu ħalqna quddiem il-liġijiet li jagħmlu legali l-qtil u l-abbuż tal-ħajjiet”, temm jgħid.