Futbol Sport

FUTBOL: Imħabbra l-finalisti għall-unur tal-aqwa plejer tal-Premiership

Tħabbret il-lista tal-finalisti għall-unur tal-aqwa plejer tal-Premiership għal dan l-istaġun. F’din il-lista ta’ sitt plejers hemm l-attakkant ta’ Liverpool Mohamed Salah, it-tliet plejers ta’ Manchester City, David Silva, Kevin de Bruyne u Leroy Sane, l-attakkant ta’ Tottenham Harry Kane u l-gowlkiper ta’ Manchester Utd David de Gea.

Harry Kane, li għandu 24 sena jinsab inkluż ukoll fil-lista tal-aqwa plejer żagħżugħ tal-Premiership. Fost il-finalisti għal dan l-unur hemm id-difensur ta’ Fulham Ryan Sessegnon, Sane, l-midfielder ta’ City Raheem Sterling, l-attakkant ta’ Manchester Utd Marcus Rashford u l-gowlkiper ta’ Man City Ederson Moraes.

Ta’ min jinnota li plejers li jkunu nklużi fil-lista tan-nominati għall-unur tal-aqwa żagħżugħ irid ikollhom 23 sena jew inqas qabel jibda l-istaġun attwali.

Ir-rebbieħa ser jitħabbru f’serata tal-premjazzjoni annwali, f’Londra, fit-22 ta’ April.
Fl-istaġun li għadda l-midfielder ta’ Chelsea N’Golo Kante kien ġie vvutat l-aqwa plejer tas-sena wara li għen lill-klabb tiegħu jirbaħ il-kampjonat. Dele Alli kien ivvutat l-aqwa żagħżugħ.

It-tliet plejers ta’ Man City li ġew nominati kienu strumentali għat-tim tagħhom li rebaħ il-kampjonat wara li l-Ħadd li għadda Man Utd tilfu kontra WBA.