Futbol Sport

FUTBOL: PSG inkurunati champions ta’ Franza

Plejers ta’ PSG jiċċelebraw wara li rebħu l-kampjonat

Tard il-Ħadd filgħaxija PSG ġew inkurunati champions ta’ Franza wara li għelbu lil Monaco bi skor kbir ta’ 7-1. Fl-istaġun li għadda Monaco ssorprendew lil kulħadd u rebħu l-kampjonat imma din is-sena ma setgħu jagħmlu xejn kontra l-qawwa ta’ PSG li matul is-sajf li għadda akkwistaw lil Neymar u Mbappe.

Fl-ewwel taqsima kien hemm perjodu ta’ sitt minuti li fih PSG skurjaw tliet gowls u minn hemm ‘il quddiem kollox kien faċli għalihom. Ta’ min jinnota li PSG dan l-istaġun skurjaw 103 gowls fil-kampjonat li għadu ma ntemmx.

Minbarra l-kampjonat, PSG diġa’ rebħu s-Super Cup u jinsabu b’ċans li jirbħu anke t-tazza domestika. Madankollu l-kowċ Unai Emery xorta waħda jidher li mhux se jsolvu postu u diġa’ hemm rapporti li l-ekskowċ ta’ Borussia Dortmund Tuchel jista’ jibda jmexxi lit-tim.

Jidher li d-diriġenza ta’ PSG qed tagħmel minn kollox biex it-tim jirbaħ iċ-Champions League u għal darba oħra dan l-istaġun dawn sfaw eliminati mill-kompetizzjoni.

Intant, wara t-telfa kbira li sofrew Monaco, id-diriġenti tat-tim ħabbret li se tagħti l-flus lura lil dawk il-partitarji li marru jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-tim f’Pariġi.