Lokali

Il-familja tal-vittma Spanjola tappella għad-donazzjonijiet sabiex tiġi kremata f’pajjiżha

Il-familja ta’ Elisaveta Avdalá, il-mara li tilfet ħajjitha fl-inċident tat-traffiku fid-9 ta’ April fiż-Żurrieq waqt li kienet vaganza f’Malta, qed jappellaw lill-pubbliku għal donazzjonijiet sabiex tinġieb lura fi Spanja.

Fuq petizzjoi onlajn ġie spjegat li l-vittma ta’ 37 sena minn dejjem xtaqet li tiġi kremata u hekk kif il-kremazzjoni mhux permessa f’pajjiżna hemm bżonn li l-kadavru tal-mara jittieħed lura fi Spanja. Madanakollu, preżentament il-familja tagħha m’għandix biżejjed finanzi stabbli sabiex issostni din l-ispiża. Huma saħqu li l-kumpanija sid id-double decker involuta fl-inċident fatali, u wisq inqas il-Gvern Malti, ma offrew l-ebda għajnuna sabiex jassistu lill-familji taż-żewġ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident.

Huma spjegaw ukoll li l-Konsulat ta’ Spanja saħqu li m’hemm l-ebda possibilità ta’ għajnuna min-naħa tagħhom minħabba ċertu liġijiet speċifiċi, madanakollu assigurawhom li kienu ser iwettqu minn kollox sabiex jikkonvinċu lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni.

Sħab Elisaveta ddeskrivewha bħala mara dejjem bi tbissima fuq fommha. Hija kienet life coach u għalliema tal-Ingliż f’Barċellona – fejn kienet ilha tgħix għal dawn l-aħħar 17-il sena hekk kif oriġinarjament hija mill-Bulgarija.