Lokali

“Il-Ġustizzja hi bżonn fundamentali” – l-Arċisqof ta’ Malta

“Il-Ġustizzja hi bżonn fundamentali u radikali tal-bniedem li mingħajrha, il-ħajja, m’hijiex ħajja denja tal-bniedem.”

Sostna dan l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna fl-omelija tiegħu f’quddiesa fl-okkażjoni tas-6 xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hu qal li t-tiftix għall-progress materjali waħdu hi short term u ma tweġibx l-għatx veru tal-umanita’. L-Arċisqof ikkwota mill-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Franġisku ippubblikata ġimgħa ilu, fejn il-Kap tal-Knisja Kattolika tkellem dwar il-beatitudnijiet.

L-Arċisqof kompla li l-ġustizzja li joffri Ġesu mhux dejjem tkun l-istess ġustizzja li joffri l-bniedem, li taf tkun imtappna minn interessi.  Hu qal li l-ħajja turina kemm hu verament faċli li nsibu ruħna fix-xbieki tal-korruzzjoni.

Xi wħud ma jridux jitqabdu għall-vera ġustizzja u jagħżlu minflok li jirkbu l-karru tar-rebbieħa. Il-ġustizzja li dwarha tkellem Ġesu hi meta nkunu ġusti fid-deċiżjonijiet.

“Il-ġustizzja vera hi wkoll it-tfittxija għal ġustizzja għal min jisfa’ vittma ta’ poteri okkulti li jridu joħonqu l-liberta’ tal-espressjoni,” temm l-Arċisqof.

Il-Quddiesa kienet segwita minn velja quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja fejn dawk preżenti kienu indirizzati minn numru ta’ kelliema. Alex Perici Calascione qal li l-ewwelnett, hu dmir ċar u qawwi ta’ kull min involut fil-ħidma politika biex jaħdmu mingħajr kompromess sabiex il-korruzzjoni u l-intriċċi u l-ħmieġ marbutin magħha tkun miġġielda.

Hu ħeġġeġ ukoll lill-ġurnalisti biex isaħħu u jirdoppjaw l-isforzi kollha biex jiġru wara l-verita’, il-verita’ kollha u xejn inqas mill-verita’. Alex Perici Calascione qal li fl-aħħarnett, hu dmir taċ-ċittadini li jibqgħu jinsistu fuq il-verita’ u li ma jaċċettawx spjegazzjonijiet li jinsultaw l-intelliġenza.

Minbarra l-velja fil-Belt Valletta, kienu organizzati wkoll velji f’Londra, Edinburgh, Brussell, Berlin, Dresden, Amsterdam u Washington.

Sadanittant, matul il-lejl, attivisti poġġew diversi banners madwar Malta biex ifakkru is-sitt xhur mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.