Lokali Parlament

Il-pajjiż jeħtieġ demokrazija ta’ veru mhux taparsi

Ritratt: Martin Agius

Simon Busuttil, PN

Il-ġustizzja u l-libertà għad jerġgħu jirbħu fil-pajjiż biex id-demokrazija ma tibqax taparsi iżda terġa’ ssir ta’ veru; il-pajjiż għandu bżonn l-għaqda ibbażata fuq il-ġustizzja u l-libertà.

Dan qalu d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil fl-aġġorament fl-okkażjoni tas-sitt xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li kull politiku għandu jirrifletti fuq l-istat tad-demokrazija fil-pajjiż. Hu qal li Daphne Caruana Galizia kienet iżżomm id-demokrazija ħajja fejn kull min jokkupa kariga pubblika kullimkien kienu kollha taħt il-lenti tagħha.

Il-pinna tagħha ma kinitx taħfer; int min int u int fejn int. Kulħadd għandu għażla; jew li l-politiċi jġibu ruħhom kif mistenni jew le. Kien hemm min din il-lenti m’għoġbitux u stmerr lil Daphne Caruana Galizia, li nqatlet kiesaħ u biered bi splużjoni. Magħha ttertqet id-demokrazija ta’ veru.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż llum qed jgħix demokrazija taparsi, bix-xogħol iżda bla ġustizzja u bla libertà. Ir-riżultat elettorali ma jfissirx demokrazija ħajja għaliex demokrazija ta’ veru trid ħafna iktar minn hekk. Irridu nagħtu lura lill-poplu demokrazija ta’ veru u demorkazija ħajja flok dik taparsi li hawn llum.

Simon Busuttil ppropona kundizzjonijiet konkreti għal demokrazija ta’ veru fosthom li l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne jinqabad bla dewmien għax hi nqatlet minħabba dak li kitbet.

Jeħtieġ li tinrefa’ responsabbiltà politika għall-qtil ta’ Daphne għax hekk isir f’pajiżi normali bħas-Slovakkja fejn irriżenja l-Prim Ministru għax inqatel ġurnalist.

Jeħtieġ li l-memorja ta’ Daphne ma tibqa’ tiġi mkasrba iktar bit-tneħħija tal-fjuri mill-memorial tagħha fil-Belt Din hi turija ta’ firda u mibgħeda min-nies li skont rapporti ntbagħtu minn Kastilja. Hu tal-mistħija l-aġir ta’ Jason Micallef, iċ-Chairman tal-V18 li qed juża l-V18 biex jifred. Dan ġab kundanna mill-aqwa awturi tad-dinja fosthom Salman Rashdi.

Jeħtieġ tingħata protezzjoni sħiħa lill-ġurnalisti fil-pajjiż iżda l-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jagħti protezzjoni minn kawżi ta’ libelli li jirriżultaw minn pajjiżi orħa.

jeħġtieġ li ssir ġustizzja u Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri ma jibqgħux jaħabru l-ġustizzja. Għandha ssir ġustizzja fuq l-iskandlu tal-Panama. Dawn qed jużaw l-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex jgħattu xturhom.

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jiffunzjonaw kif suppost għaliex dawn inħatfu u ma jiffunzjonawx favur iċ-ċittadin iżda jaħdmu fl-interess tal-Gvern. Fost dawn hemm il-Pulizija, l-FIAU u l-Avukat Ġenerali.

Jeħtieġ li l-libertà tal-espressjoni ma’ tibqax titnaqqar iżda tissaħħaħ għaliex fil-pajjiż hawn il-liġi tal-ġungla. Il-Gvern qed jimxi bil-politika li jixtri jew ikisser lin-nies. Il-propoganda tal-gvern biss tista’ tibqa’ tidher fil-pajjiż. Hawn biża’ fis-soċjetà.

Jeħtieġ li min jikxef il-verità jkunu protetti bħal Jonathan Ferris u Maria Efimova, li qed jitkissru u jkollhom is-sigurtà tagħhom fil-periklu.

Jeħtieġ li d-demokrazija ma tibqax tiġi abbużata bix-xiri tas-silenzju u tal-voti u bl-impjiegi mal-Gvern.

Demokrazija ta’ veru tiddependi min-nies li jgħarfu l-verità, sostna Simon Busuttil, li saħaq fuq l-importanza tal-kurraġġ fid-difiża tad-demorkazija u għal dak li jemmnu fih. Il-kurraġġ issaħħaħ id-demokrazija waqt li l-indifferenza toqtolha.

Simon Busttil qal li Joseph Muscat hu responsabbli għall-istat fqir li tinsab id-ddemorkazija fil-pajjiż. Il-poplu ma jistax jibqa’ ma jagħmel xejn għax ikun kompliċi ma’ Joseph Muscat u jkun kopliċi biex id-demokrazija tinqatel. id-demokrazija għandha bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd.