Artiklu li deher fuq in-Nazzjon fit-13 ta’ April fil-paġna tal-Kunsilli Lokali.
Ta’ kull ġimgħa jkollna intervista jew mas-Sindki jew lil Minority Leaders tal-PN f’lokalitajiet mxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Għal-lum din il-paġna hija speċifikata għall-Furjana, u bħala Minority Leader tal-Furjana l-intervista kellha tinqaleb għal kelma personali f’isem it-tim kollu tal-PN fil-Furjana.
Fittixna l-għaqda biex nibdew negħlbu l-problema ta’ riġenerazzjoni fil-lokal
Il-Furjana għaddejja minn problemi kbar ta’ riġenerazzjoni, il-ħidma fuq dan min-naħa tal-PN fil-lokal ma waqfet qatt. Mozzjoni li sfortunatament m’għaddietx b’vot ta’ 3-2. Mozzjoni li proponejt jien bħala James Aaron Ellul f’isem u ssekondani l-kollega Anthony Grech Sant fejn bħala Kap tal-Minoranza preżentajt l-idea li nissieltu il-problema tar-riġenerazzjoni fuq kull front. L-obbligu tal-Kunsill Lokali huwa li jħares l-interess waħdieni tal-lokal, u f’din iċ-ċirkustanza l-obbligu jitlob li din il-problema fil-lokal tiġi diskussa fuq qasam Parlamentari. L-idea kienet li ngħaqdu l-grupp Parlamentari tal-ewwel distrett kollu, kemm dawk tal-Partit Laburista u kemm dawk tal-Partit Nazzjonalista u naħdmu flimkien biex is-suġġett jibda’ jiġi diskuss fuq qasam Parlamentari, u x’miżuri jistgħu jittieħdu biex il-Floriana tibda tieħu r-ruħ. Nerġa niktibha kontra qalbi, sfortunatament, din il-mozzjoni m’għaddietx għax il-maġġoranza Laburista qalet li m’hemmx bżonn li din il-problema tiġi diskussa fil-Parlament.
2000 ruħ, bl-‘average age’ tal-lokal hija kważi 60 sena.
Din hija l-problema tal-lokalità Furjaniża, nuqqas ta’ familji, nuqqas ta’ żgħażagħ, nuqqas ta’ bini għaddatat. Jekk dawn iċ-ċifri ma’ humiex problema, mela liema ċifra turi li hemm xi forma ta’ problema?
Il-PN qed ifittex lil hinn b’ħidma li stajna nagħmluha fil-kollettiv iżda issa se jkollna aħna nagħmluha mill-Opożizzjoni. Bħala Kunsilliera tal-PN qed infittxu li naħdmu kemm mad-Deputat Mario De Marco u kif ukoll mad-Deputat Claudio Grech biex nibdew tassew negħlbu l-problema ta’ nuqqas ta’ riġenerazzjoni fil-Floriana.
Il-Floriana fl-ebda pjan ta’ riġenerazzjoni fl-aħħar budgets.
Inkwetanti tassew li l-problema tar-riġenerazzjoni fil-lokal qatt ma ssemmiet fuq bażi ta’ pjan min-naħa tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin, akkost ħafna pressjoni minnha l-Furjaniżi. Fl-2016 infatti f’mozzjoni tiegħi, issekondata minn Matthew Paris, tfajna fuq il-mejda tal-Kunsill pjan ta’ diskussjoni dwar din il-materja. Il-qofol tagħha kien dirett, għall-budget 2017 kienu ġew imħabbra pjanijiet ta’ riġenerazzjoni għall-Belt Valletta u l-Marsa, u l-Floriana lanqas biss ħarsu lejha. Bħala Kunsill qbilna li hemm bżonn li nagħmlu aktar pressjoni dwar din il-problema, b’sejħa għal numru ta’ laqgħat ma’ dawk konċernati. Sodisfatti bir-riżultat? Nazarda ngħid li lanqas bdejna niddiskutu din il-materja ma’ dawk kollha konċernati.
Il-problema ta’ parkeġġ
Fil-Furjana, b’kawża ta’ ħafna negozji u kif ukoll bl-impatt li tħalli l-Belt Valletta, hemm problema kbira ta’ parkeġġ. Mill-ġdid il-PN permezz ta’ mozzjoni li preżenta l-Kunsillier Anthony Grech Sant, issekondat minni, bdiet il-ħidma biex is-sistema ta’ parkeġġ fil-Floriana tiġi aġġornata. Il-PN fil-Floriana jrid li r-residenti fil-Furjana jkollhom parkeġġ għalihom, biex niftehmu, parkeġġ fil-kaxxa l-ħadra. Dan irriduh għax huwa mistħoqq. Il-Furjaniżi ilhom is-snin jassorbu problemi li huma kkawżati minn dawk li jżuruna, bl-iskonvenjza tolqot direttament lir-residenti. Permezz ta’ dan l-aġġornament fl-iskema ta’ parkeġġ, nemmnu li din il-problema tibda ftit ftit tirrisolva ruħha.
Fuq dan għadna qed nistennew laqgħa mal-Ministru Ian Borg.
Nieħdu ħsieb il-Fosos, ġawhra Nazzjonali
F’mozzjoni oħra mill-PN fil-Furjana għamilna mezz biex jibdew id-diskussjonijiet biex il-Fosos, Pjazza San Publju, tiġi mħarsa tassew. Din il-mozzjoni preżentajtha jien, u ġejt issokondata mill-kollega Anthony Grech Sant. Mozzjoni fejn kburi ngħid li lkoll qbilna magħha bħala Kunsill, il-Fosos hemm bżonn li jiġi mħares. F’sena mimlija attività fuq il-Fosos tagħna rajna impatt negattiv fuq din l-art, u għalhekk kien meħtieġ biex bħala Furjaniżi nħarsu lil din il-pjazza Nazzjonali li tinsab fil-lokalità tagħna.
Bdew id-diskussjonijiet mal-Ministru konċernat, Owen Bonnici fejn qalilna li se jħares lejn din il-materja. Bħala Furjaniżi għamilna enfasi biex il-liġijiet li qed jinkisru jiġu mħarsa tassew u kif ukoll jiżdiedu l-miżuri biex il-liġijiet ikomplu jissaħħew. Fuq dan għadna qed nistennew xi forma ta’ risposta.
Il-Masġar tal-Ġublew
Il-Masġar tal-Ġublew hemm bżonn li jingħata attenzjoni xierqa. Masġar li hu magħruf għall-abbuż. Dan kien il-qofol tal-mozzjoni tal-PN. Masġar li huwa uniku f’nofs il-bini urban, li anke huwa mħares taħt il-Protection Act tal-1933 biex ma jsirx zvilupp f’din iz-zona. Iżda qisu fuq il-masġar ħadd qatt ma tkellem minn dak iż-żmien ‘l hawn ħlief fl-2004, taħt Gvern Nazzjonalista u issa minnha permezz tal-mozzjoni li kont preżentajt.
Il-masġar huwa uniku fih innifsu, u dan hemm bżonn li nħarsuh. Il-frekwenza ta’ nies fil-masġar huwa biex jitwettqu l-abbużi, aħna dan irridu nbiddluh biex il-frekwenza tan-nies li jżuruh tinbidel u li dan il-masġar jiġi tassew apprezzat mill-familji.
Riċenti kien il-PN li ħareġ b’reazzjoni ta’ tħassib meta nstabu 667 siringa fil-Foss ta’ dan il-masġar. Dan ikompli jikkonferma dak li ntqal qabel, fuq kif dan il-masġar huwa lok għall-abbuż.
Il-ħidma tal-PN, il-ħidma tagħna fil-Kunsill Lokali u f’entitajiet konċernati se tkompli taħdem biex dan il-masġar ikun ikkultivat tassew fin-natura tiegħu iżda wkoll li jiġi apprezzat mill-pubbliku.
Il-nuqqas ta’ sigurtà fil-Floriana
Bil-masġar tal-Ġublew fi pjan ta’ ħidma tal-PN fil-Floriana, ma nistgħux ma nsemmux in-nuqqas ta’ sigurtà fil-lokal. Għamilna perjodu fejn il-Furjana kienet misset il-qiegħ fuq bażi ta’ sigurtà, b’żewġ reati kkawżati f’temp ta’ anqas minn 24 siegħa. Bħala Kunsilliera tal-PN għamilna numru ta’ laqgħat nitolbu biex issir laqgħa mal-Pulizija tad-distrett biex naqsmu l-ideat tagħna biex il-Floriana mill-ġdid terġa tiġi lokalità sikura. Sa fl-aħħar il-laqgħa saret u beda l-proċess, b’ħidma kollettiva. Dan qed narawh miexi ‘l quddiem, madanakollu dan għadu mhux biżejjed u hemm bżonn li jsir aktar xogħol biex fil-Floriana, fuq din il-materja, jerġa jkun hemm is-serħan tal-moħħ fost ir-residenti tagħna.
Rajna abbużi fil-ġonna tagħna, anki b’reati ta’ vandaliżmu. Ġew installati mill-Kunsill Lokali numru ta’ cameras biex din il-problema titaffa. Dwar dan żgur mhux forsi se jkun hemm aktar ħidma biex negħlbu din il-problema li qed jaffaċċja l-lokal tagħna.
Ħidmiet oħrajn
F’attivitajiet kurrenti fil-lokal, il-ħidma tagħna ma waqfitx. B’ħidma kollettiva flimkien mal-għaqdiet. Il-ħidma mill-2015 ‘l hawn ma waqfitx fejn fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Lokali, bħala Kunsilliera tal-PN mill-ewwel konna għaddejna mozzjoni biex tibda ssir Kampanja tal-Karità f’isem il-Furjaniżi, il-kampanja Qalb Furjaniża, Qalb Ħanina. Din kont għaddejtha jien u kien issekondani l-kollega Matthew Paris. L-għan tagħha kien li nkomplu nfitxxu l-għaqda fil-lokal fejn naħdmu għal għan wieħed u naħsbu f’dawk fil-bżonn. Sal-lum il-ġurnata nġabru madwar €2000 b’għan filantropiku.
Ħadna ħsieb biex nagħtu wiċċ ġdid is-serata ta’ Jum il-Floriana, fejn issa saret attività annwali li tagħti ġieħ f’bosta oqsma lill-Furjaniżi li qed jaħdmu kontinwament għall-Furjana tagħna. L-attività Ġenna ta’ Ġonna qed tkompli tikber bl-involviment ta’ kulħadd. L-ideat għal din l-attività fuq bażi ta’ Kunsill Lokali ma jonqsux, bl-għan ewlieni huwa dejjem li nkabbru isem il-Floriana. L-istess ukoll nista’ ngħid għal Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art li se jsir għada fi Pjazza San Publju. Tnax-il edizzjoni li juru kemm dan il-festival qed ikompli jikber. Dan fost ħidma kurrenti fil-lokal tal-Furjana fejn ħarisna lejn affarjiet ta’ kuljum, minn dawk fi Triq Sant’Anna sa dawk imxerrdin mal-lokal kollu.
Il-politika fil-Furjana għaddejja minn fażi fejn jeħtieġ li l-lokal jħares lejn numru ta’ riformi meħtieġa biex il-lokal jegħleb il-problemi li qed isib ma’ wiċċu ta’ kuljum. Il-PN fil-Furjana, għalkemm f’minoranza qed jaħdem bla heda biex dawn il-problemi jiġu affaċjati tassew. Il-PN fil-Furjana qed ikun innovattiv fl-ideat biex ir-residenti u l-Furjana ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma. Fi tliet snin anniverarju minn mindu bdiet din il-leġiżlatura kemm bħala Minority Leader u kif ukoll bħala Kunsilliera, il-PN jista’ jħares b’sodisfazzjon bil-ħidma li qed iwettaq fil-lokal, iżda dan mhux biżejjed, u nwiegħed permezz ta’ dan l-artiklu, li aħna bħala Kunsilliera tal-PN fil-Furjana se nibqgħu nkunu l-leħen tal-lokal u se nibqgħu nfitxxu l-interess ta’ kull Furjaniż fil-pjan tal-ħidma tagħna. Il-PN fil-Furjana qiegħed tassew iwettaq id-differenza.
//= $special ?>