Kif kien mistenni,l-MFA ħabbret il-programm ta’ logħob għall-aħħar ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. L-ewwel partiti jintlagħbu l-Ġimgħa.
Dakinhar, tliet partiti se jiddeċiedu kif tintemm iż-żona ta’ isfel tal-klassifika filwaqt li nhar is-Sibt ikunu fl-azzjoni t-timijiet li jinsabu fin-naħa ta’ fuq.
Kollox se jkun deċiż fl-aħħar ġurnata wara li fi tmiem il-ġimgħa, l-liders Valletta, li kellhom żewġ punti vantaġġ, ġew miżmuma draw kontra Floriana u ftit ħin wara Balzan approfittaw minn dan id-draw u għelbu lil Senglea biex laħqu il Valletta fil-quċċata.
Dan ifisser li jekk wara l-partiti tas-Sibt Balzan u Valletta jkunu għadhom bl-istess punti ikun meħtieġ decider biex ikun deċiż iċ-champion.
L-isfida għall-Europa League
Gżira Utd huma diġa’ ċerti mit-tielet post u post fl-Ewropa imma Hibs għadhom f’battalja għar-raba’ post. Jekk wieħed minn Balzan u Valletta jirbħu l-FA Trophy u Hibs itemmu fir-raba’ post jikkwalifikaw għall-Europa League.
Bħalissa Hibs qegħdin bl-istess punti ta’ Floriana u wieħed inqas minn Birkirkara.
Jekk il-Karkariżi jirbħu kontra Ħamrun ikunu huma li jispiċċaw ir-raba’ filwaqt li draw jkun biżżejjed jekk Floriana u Hibs jonqsu milli jirbħu l-konfronti kontra Lija u Balzan rispettivament.
Jekk Birkirkara jiġu draw rebħa għal Floriana jew Hibs tkun tfisser li t-tim li jirbaħ minnhom itemm fir-raba’ post.
Jekk kemm Hibs u Floriana jirbħu t-tnejn li huma u Birkirkara ma jirbħux, ikun meħtieġ decider bejn Hibs u Floriana biex ikun deċiż min minnhom jilagħb fl-Europa League.
L-isfida biex isalvaw fil-Premier
Nhar il-Ġimgħa St Andrews iridu draw kontra Tarxien biex jaċċertaw posthom fil-Premier. Jekk jitilfu, jittamaw li Mosta jitilfu kontra Sliema biex b’hekk jibqgħu b’punti daqs Mosta u jkun meħtieġ decider biex ikun magħruf min se jilgħab fil-play-off kontra t-tim tal-Ewwel Diviżjoni Żejtun.
Mosta jridu rebħa biex isalvaw posthom fil-Premier filwaqt li draw jkun biżżejjed dejjem jekk Tarxien ma jirbħux kontra St. Andrews.
Minn naħa tagħhom Tarxien iridu jirbħu kontra St. Andrews biex jevitaw ir-relegazzjoni filwaqt li bi draw, iridu jittamaw li Mosta jitilfu kontra Sliema biex b’hekk jibqgħu bl-istess punti ta’ Mosta u b’hekk ikun meħtieġ decider bejniethom biex jaraw min minnhom se jilgħab Play-off kontra Żejtun. Fiż-żewġ każijiet Naxxar Lions ikunu relegati.
Naxxar iridu rebħa kontra Senglea u fl-istess ħin jittamaw li St. Andrews jirbħu kontra Tarxien. Dan ikun ifisser li Naxxar u Tarxien itemmu l-kampjonat bl-istess ammont ta’ punti u b’hekk jintlagħab decider biex ikun deċiż min ikun relegat u min jilgħab kontra Żejtun.
Il-programm hu dan:
Il-Ġimgħa 20 ta’ April
Centenary Stadium
7pm – Naxxar L v Senglea A
Kordin
7pm – Sliema W v Mosta
Ta’ Qali
7pm – Tarxien R v St. Andrew’s
Is-Sibt 21 ta’ April
Centenary Stadium
4pm – Birkirkara v Ħamrun S
Victor Tedesco Stadium
4pm – Lija A v Floriana
Kordin
4pm – Hibs v Balzan
Ta’ Qali
4pm – Valletta v Gżira Utd
Victor Tedesco Stadium
4pm – Lija v Floriana