Lokali Parlament

Kull bidla fl-għadd tal-voti fl-elezzjonijiet ġenerali jrid ikollha l-appoġġ tal-partijiet kollha

– Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea appella biex kull bidla fl-għadd tal-voti fl-elezzjonijiet ġenerali irid ikollha l-appoġġ tal-partijiet kollha.

Fil-parlament Mario Galea qal li l-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex tgħaddi xi responsabbiltajiet lill-kuntrattur. Hu appella biex ikunu kkunsidrati l-opinjonijiet tan-nies f’dawn il-bidliet għaliex in-nies kienu draw jaraw il-voti jingħaddu b’mod annwali waqt li issa se jkun il-kompjuter li jddikjara min rebaħ l-elezzjoni.

Mario Galea spjega kif f’Wales kien hemm diffikultajiet fis-sistema u l-għadd kellu jsir bl-idejn. Il-Kummissjoni Elettorali trid taħseb minn snin qabel biex il-proċess isir kif suppost.

Mario Galea kompla li x-xiri tal-apparat għandu jkun trasparenti għal kollox u l-ebda aġent Malti m’għandu jkun involut jekk dan ikun viċin xi partit politiku. Dan biex il-poplu ma jkollux dubju għalkemm il-Maltin jistgħu jkunu involuti ma barranin.

Il-proċess u l-apparat iridu jkunu trasparenti u jidhru li huma trasparenti. Hu qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-e counting li tagħti riżultati tajbin minħabba li l-proċess preżenti hu twil u tedjanti. Importanti li s-sistema l-ġdida tiddaħħal bil-fiduċja tal-partijiet kollha inovluti għaliex din il-bidla mhix faċli għall-kultura Maltija.