Internazzjonali

L-interessi li hemm fis-Sirja

Mal-ewwel daqqa t’għajn huma r-Russja, is-Sirja u l-Istati Uniti li qed jidhru minn ta’ quddiem fil-kriżi Sirjana u l-attakki bl-armi kimiċi li kien hemm f’Douma. Imma jekk wieħed jgħarbel, hemm aktar milli jidher mal-ewwel daqqa’ t’għajn…


L-Iran
L-Iran qed jappoġġja r-reġim tal-President Sirjan kemm bi truppi, flus, armi u mezzi oħra. Apparti truppi mill-Gwardja Rivoluzzjonarja, l-Iran bagħat ukoll ġellieda mill-Hezbollah, il-grupp militanti Libaniż. L-Iran ukoll organizza gruppi armati b’ġellieda mill-Afganistan, l-Iraq u l-istess Sirja biex jiġġieldu mal-forzi Sirjani, u minħabba f’hekk stabbilixxa diversi bażijiet fis-Sirja.
Qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-Iran u s-Sirja kellhom patt militari. Ħafna mill-gruppi tar-ribelli fis-Sirja huma appoġġjati mill-Arabja Sawdija – avversarju ewlieni tal-Iran. Iż-żewġ pajjiżi huma wkoll imdaħħla indirettament kontra xulxin fil-Jemen. L-Iran ukoll qed jara li b’dan l-appoġġ u l-preżenza militari fis-Sirja jikseb aċċess mill-kosta Sirjana għall-Mediterran. Barra minn hekk, iqis il-gwerra Sirjana bħala l-front tal-gwerra kontra l-militanti Sunniti. L-Iran hu pajjiż Xiita Musulman.


L-Arabja Sawdija
L-Arabaj Sawdija qed tgħin bi flus u armi gruppi ta’ ribelli Sirjani. Il-pajjiż ukoll kellu rwol fil-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti kontra l-ISIS fis-Sirja u l-Iraq u għalhekk midħla sew tal-proċeduri u l-ambjent Sirjan.
L-Arabja Sawdija hu pajjiż Sunnita u jopponi b’kull mezz li l-Iran ikabbar l-influwenza tiegħu fir-reġjun. Riyadh irid li minflok Assad jitpoġġa xi ħadd anti-Iranjan fit-tmun tas-Sirja.


It-Turkija
Mill-bidu tal-kunflitt, it-Turkija bdiet tappoġġja l-gruppi ribelli li mhumiex Kurdi u għalqet għajn waħda għal dak li kien qed jiġri tul il-fruntiera mas-Sirja. It-Turkija issa għandha wkoll preżenza militari fis-Sirja wara intervent militari kontra r-ribelli Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja. Hawn huma ħolqu territorju kkontrollat mill-militar Tork.
It-Turkija fil-bidu tal-kunflitt kellha t-tir li tneħħi lil Assad mill-poter. Wara l-intervent Russu fl-2015 b’appoġġ għal Assad, il-prijorità Torka kienet li tevita li l-Kurdi Sirjani jiksbu l-awtonomija fit-Tramutnana tat-Turkija. It-tħassib ewlieni tat-Turkija hu li l-Kurdi, partikolarment dawk Torok tal-PKK – li ilhom 30 sena f’kunflitt mal-Gvern Tork – jissaħħu u jistabbilixxu ruħhom hemm.


Iżrael
Iżrael wettaq diversi attakki mill-ajru fis-Sirja u fil-mira kien hemm il-Hezbollah u miri oħra marbuta mal-Iran, partikolarment kunsinji tal-armi. Iżrael qed jappoġġja wkoll xi gruppi ta’ ribelli stabbiliti fiz-zona tal-Għoljiet tal-Golan biex ikun hemm speċi ta’ front ta’ protezzjoni għall-fruntieri Iżraeljani.
It-tħassib ewlieni Iżraeljan hu l-preżenza militari u politika Iranjana fis-Sirja. Hi trid ukoll li l-Hezbollah jitilqu mis-Sirja peress li issa jkun hemm uġigħ tar-ras minnhom mhux biss mill-fruntiera Libaniża imma anki dik Sirjana. Ftit tal-ġranet ilu, fil-provinċja ta’ Homs kien hemm attakk mill-ajru misterjuż kontra l-bażi tal-ajru magħrufa bħala T4. Bażi fejn l-Iran qed jistabbilixxi preżenza militari mdaqqsa u li s-suspetti ewlenin huma li l-attakk twettaq minn Iżrael.
Fl-10 ta’ Frar kien hemm drone Iranjan li kien interċettat f’territorju Iżraeljan. Kollox jindika li dan id-drone telaq mill-bażi T4, li parti minnha tintuża wkoll mir-Russja.


Ir-Russja
Il-Gvern ta’ Moska beda jgħin lir-reġim Sirjan lejn tmiem l-2015 u litteralment serva bħala l-qawwa tal-ajru tar-reġim Sirjan. Bil-preżenza militari Russa, is-sitwazzjoni militari għat-truppi tal-Gvern Sirjan inbidlet drastikament favurihom u kisbu lura dak it-territorju importanti kollu li kienu tilfu u ftit li xejn kellhom ċans li jiksbu lura.
Ir-Russja pprovdiet ukoll appoġġ diplomatiku għar-reġim Sirjan. Dan peress li bil-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti imblukkat kull riżoluzzjoni kontra l-Gvern Sirjan.
Għar-Russja dan hu ċans tad-deheb biex tistabbilixxi ruħha militarment fil-Lvant Nofsani u l-Mediterran. Dan peress li issa kisbet lura l-port ta’ Tartus li kienet tuża fi żmien l-Unjoni Sovjetika u l-bażi tal-ajru ta’ Hmeimim. Hemm ukoll il-lat politiku li r-Russja qed tara ċ-ċans li politikament tkun fuq tal-anqas l-istess livell tal-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani mil-lat politiku wkoll.