Lokali

Lejn u lura mill-Awstralja b’kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta

Mark Cutajar magħżul għall-kariga ta' CEO ta' Sport Malta... Ħaddiema fi Sport Malta jibqgħu mgħaddba għall-mod kif tmexxew l-affarijiet

Fid-dell tal-21 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth 2018, li għalihom Mark Cutajar attenda immedjatament wara li ingħażel bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Sport Malta, dan il-ġurnal illum jista’ jiżvela kif l-istess Mark Cutajar fil-fatt f’dawn il-ġranet se jibda jirranka mill-ġdid f’din il-kariga li bosta jqisu li kien kostrett li jħalli f’Ottubru 2017 . Kif żvelat fil-ħarġa tal-ġurnal In-Nazzjon tal- 5 ta’ Marzu 2018, Mark Cutajar, fil-ġranet li ġejjin , mistenni jirritorna bħala Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta.

Ir-ritorn tiegħu fl-uffiċċju fit-tieni sular fil-Kumpless tal-Isport tal-Kottonera ma tantx jidher li ntlaqa’ tajjeb minn għadd ta’ ħaddiema fi ħdan Sport Malta.

Il-ħaddiema jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet

Dwar il-mod kif saret l-għażla hemm bosta domandi fost il-ħaddiema u fost dawk li kienu applikaw għal din il-kariga iżda l-unika risposta li tibqa’ tiċċirkola hi li Mark Cutajar ingħażel bil-barka ta’ Kastilja wara l-pressjoni li hu stess għamel mal-Prim Ministru Joseph Muscat inkluż li fl-impieg ma’ kumpanija privata wara li kien telaq minn Sport Malta kien qed ibati minn tensjoni. L-istess ħaddiema fi Sport Malta iżda kkummentaw ma’ dan il-ġurnal li it-tensjoni hija aktar fosthom meta saru jafu li Mark Cutajar b’xi mod reġa’ ħa postu fil-Kottonera.

L-għadab kiber hekk kif l-istess ħaddiema saru jafu li f’mument meta l-Avukat Chris Bonett irritorna fil-kariga tiegħu bħala konsulent ta’ Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Sport u Organizazzjonijiet Volontarji, Mark Cutajar ħalla Malta lejn Queensland fl-Awstralja biex f’Gold Coast jattendi għal 21 Edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth.
Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, Mark Cutajar ħalla Malta flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima f’titjira lejn Dubai għal Brisbane fejn minn hemm marru Gold Coast. Ir-rwol ta’ Mark Cutajar f’Goldcoast jibqa’ wieħed stramb għall-aħħar.
Hu fatt li minn meta ma baqax fir-rwol tiegħu fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti xorta waħda b’xi mod baqa’ influwenti, liema preżenza fl-Awstralja kienet ferm ovvja tant li wħud fi ħdan il-kontinġent saħansitra dawk tal-istess kulur politiku ma tantx dehru kuntenti bih ma’ saqajhom.

Minkejja li f’Gold Coast ma baqax lura biex b’xi mod ikun qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat fatt kurjuż huwa kif bosta rrimarkaw li l-istess Mark Cutajar evita milli jidħol f’xi ritratt uffiċjali mal-kontinġent Malti. Cutajar iżda attenda għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bandiera fil-villaġġ tal-atleti fejn dakinhar poġġa fit-tieni filliera fuq in-naħa tax-xellug wara l-Prim Ministru Joseph Muscat, martu u uliedu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Skont is-sit eletroniku uffiċjali tal-Commonwealth, fejn hemm riferenza għal Laqgħat tal-Ministri tal-Isport fi ħdan il-Commonwealth li saru bejn it-3 u 9 ta’ April, Mark Cutajar kien preżenti bħala ‘Konsulent tal-Gvern Malti għall-iSport’ – ebda riferenza għar-rwol li ingħata mill-ġdid ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta.

Huwa kurjuż il-fatt kif hemm ikkwotat il-preżentazzjoni li għamel l-istess Cutajar dwar implimentazzjoni ta’ sistema fi ħdan stati żgħar li tista’ tkun inqas ikkomplikata u aktar mexxejja minn implimentazzjoni fi ħdan pajjiżi akbar.

L-integrità fl-isport u l-governanza tajba

Mark Cutajar għamel ukoll riferenza dwar integrità fl-isport u governanza tajba apparti li kemm kif dan il-kuntest jaqa’ fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fi ħdan il-Commonwealth.

L-isbaħ waħda iżda fil-preżentazzjoni tiegħu li dan il-ġurnal għandu kopja tagħha saħansitra jikkwota lil Madre Teresa: “Kunu fidili f’affarijiet żgħar għaliex fihom hemm is-saħħa.”

Il-laqgħat tal-Ministri tal-isport fi Queensland saru bejn it-3 u d-9 ta’ April fejn wieħed jassumi li Mark Cutajar u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kienu preżenti. Dan il-ġurnal qed jgħid ‘ jassumi ’ għaliex fir-ritratt uffiċjali mal-Ministru tal-Osport tal-Awstralja is-Senatrici Bridget McKenzie l-ebda wieħed minnhom ma jidher fir-ritratt uffiċjali li deher fis-sit elettroniku uffiċjali tal-Commonwealth fejn saret riferenza għal dawn il-laqgħat.

Fid-dawl ta’ dan kollu huwa fatt li Mark Cutajar huwa familjari mal-ambjent ta’ Gold Coast għaliex f’Novembru 2017 kien għamel parti minn delegazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti waqt li f’Gold Coast kienet qed issir il-laqgħa tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-21 Edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth.

Il-KOM kien uffiċjalment rappreżentat minn Paul Sultana filwaqt li dakinhar Mark Cutajar flimkien ma’ Rosemary Mula kienu akkreditati bħala Team Malta Aide. Fl-Awstralja dakinhar ltaqgħu wkoll ma’ Sandra Micallef – Konslu Onorarju għal Malta fl-Awstralja fil-presenza ta’ Graziella Thake f’isem The Optimisation Hub.

Żjara li nżammet mistura

Din iż-żjara ma ħarġitx fil-beraħ kif solitu jsir mill-KOM fejn saħansitra diretturi fi ħdan il-KOM u uffiċjali ta’ għaqdiet nazzjonali tal-isport ikkummentaw li saru jafu meta deher ritratt fil-Facebook.

Qabel din iż-żjara f’Gold Coast l-Awstralja Mark Cutajar f’Novembru 2015 kien preżenti bħala CEO f’isem Sport Malta fit-2 Laqgħa tal-Commonweath dwar Sport u Żvilupp sustenibbli.

Mark Cutajar fl-istess waqt baqa’ jgħamel parti għas-snin 2017-2018 bħala rappreżentant għal Malta meta kien Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta fil-CABOS – Commonwealth Advisory Board on Sport flimkien ma rappreżentanti tal-gvernijiet mill-Awstralja, Canada, Cameroon, Fiji, Nigerja u Sierra Leone.

Mill-aħħar mawra f’Gold Coast jidher li Mark Cutajar flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rritorna Malta is-Sibt 7 ta’ April.