Dalgħodu, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa xehed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. Bħalissa, l-Maġistrat Clarke qed tinvestiga kif ir-rapporti tal-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus spiċċaw għand terzi. L-MEP Casa għandu rapport li jsejjaħ għal azzjoni mill-Pulizija kontra l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u jinkludi dettalji dwar skemi, sistemi, aġir u kollużżjoni f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus fuq livell massiv, li jinkludi membru tal-eżekuttiv u uffiċjali pubbliċi oħra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Casa diġa’ deher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fi Frar proprju dwar dan ir-rapport. Hu kien xehed għal aktar minn siegħa.
L-MEP Casa qal: “Irid ikollok il-kuraġġ, il-konvinzjoni u karattru b’saħħtu biex tesponi l-korruzzjoni u l-kriminalità. Tpoġġik f’riskju għal ħajtek u għall-familja tiegħek. Dawn il-persuni li jesponu din l-informazzjoni jistħoqqilhom kull tifħir. Taħt l-ebda ċirkostanza, m’jien se nesponi s-sorsi tiegħi. Konrad Mizzi tradixxa l-pajjiż u l-fiduċja tal-elettorat Malti. Kellu jitneħħa mill-kariga, investigat u saret ġustizzja żmien ilu. Aktar ma jgħaddi żmien biex dan iseħħ, aktar qed issir ħsara.”
David Casa rrefera wkoll għat-tnedija tad-Daphne Project ilbieraħ. Hu qal li f’demokrazija, hu kruċjali li l-verità tkun esposta u li dawk involuti f’attività kriminali jitpoġġew taħt il-ġustizzja.
//= $special ?>