Futbol Sport

Premiership Ingliż: Manchester City champions – fatti u figuri

Nhar il-Ħadd li għadda Manchester City ġew dikjarati champions tal-Ingilterra mingħajr ma lagħbu. Dan wara li l-eqreb rivali tagħhom, Manchester United tilfu f’darhom bi skor ta’ 1-0 kontra West Bromwich Albion.

B’dan ir-riżultat Manchester City, li jum qabel kienu rebħu 3-1 kontra Tottenham, issa ma jistgħux jintlaħqu hekk kif fadal ħames logħbiet għal tmiem l-istaġun u għandhom vantaġġ ta’ 16 -il punt.

Dan is-suċċess għal Manchester City jtaffi ftit id-diżappunt tagħom wara li kellhom ġimgħa mill-aktar diffiċli li matulha sfaw eliminati miċ-Champions League u tilfu kontra Manchester Utd. Minkejja t-telfa li sofrew kontra r-Red Devils huma xorta waħda spiċċaw iċċelebraw ir-rebħ tat-titlu ġimgħa wara.

Il-manager ta’ Man City Pep Guardiola sar l-ewwel kowċ Spanjol li qatt rebaħ il-Premiership.
Dan l-artiklu se jagħti ħarsa lejn statistika marbuta mas-suċċess ta’ Man City.

28 – Man City s’issa kisbu 28 rebħa u jistgħu saħansitra jiksru r-rekord ta’ Chelsea li staġun ilu kienu rebħu l-kampjonat billi rreġistraw 30 rebħa.

5 – Man City ġew inkurunati champions meta fadal ħames partiti għal tmiem il-kampjonat. B’hekk huma laħqu rekord li kien f’idejn Man Utd (li fl-istaġun 1907-08 u fl-2000-01 kienu rebħu l-kampjonat meta fadal ħames logħbiet) u ta’ Everton (li fl-istaġun 1984-85 kienu wkoll rebħu l-kampjonat meta fadal ħames logħbiet).

3 – Pep Guardiola sar it-tielet kowċ li flimkien mal-Premiership, rebaħ anke żewġ kampjonati oħra mill-aqwa ħamsa fl-Ewropa. It-tnejn l-oħra huma Carlo Ancelotti u Jose Mourinho.

902 – Meta f’Marzu li għadda Man City rebħu 1-0 kontra Chelsea kienu rreġistraw rekord ta’ 902 passes.

16 – Bħalissa Man City jinsabu 16-il punt fuq l-eqreb rivali tagħhom u jekk itemmu l-kampjonat b’vantaġġ ta’ 19-il punt ikunu waqqfu rekord tal-aktar tim li rebaħ il-kampjonat b’distakk kbir. Bħalissa r-rekord hu f’idejn Manchester Utd li fl-istaġun 1999-00 kienu rebħu l-kampjonat b’distakk ta’ 18-il punt.

240 –
Man City ilhom 240 ġurnata fil-quċċata tal-Premiership biex b’hekk kisru r-rekord ta’ Manchester Utd li fl-istaġun 2011-12 kienu damu 241 jum fil-quċċata. Ironikament f’dak l-istaġun kienu City li rebħu l-kampjonat bil-famuż gowl ta’ Aguero kontra QPR.

15 – Il-midfielder Kevin De Bruyne hu l-aktar plejer li pprovda gowls hekk kif fi 33 logħba għamel 15-il assist.

18 – Matul dan l-istaġun Manchester City waqqfu rekord fil-futbol Ingliż wara li kisbu 18-il rebħa konsekuttiva,li hu l-itwal rekord ta’ rebħiet konsekuttivi fl-erba’ diviżjonijiet tal-Ingilterra minn meta l-Football League kien twaqqaf fl-1888. Huma bdew billi rebħu 2-1 kontra Bournemouth fis-26 ta’ Awwissu u baqgħu sejrin sas-27 ta’ Diċembru meta dakinhar rebħu 1-0 kontra Newcastle.
Li kieku City rebħu logħba oħra, l-kowċ tagħhom Guardiola kien jilħaq ir-rekord ta’ 19-il rebħa konsekuttiva li kien kiseb ma’ Bayern fil-Bundesliga fl-istaġun 2013/2014.

19 – Manchester City għelbu lil kull tim fil-Premiership Ingliż biex saru t-tielet tim li għamlu dan wara Chelsea (2005-06) u Mancester Utd (2010-11).