Il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed ikollu jiffaċċja vuċi dejjem tissaħħaħ u tikber internament fil-Partit tiegħu stess kontra dak li jrid jagħmel… ċioè li jintroduċi s-surrogacy, jiġifieri meta l-embrijun jitpoġġa f’ġuf ta’ mara oħra peress li l-omm ma tkunx tista’ ġġorrha hi, u li jagħmel legali l-iffriżar tal-embrijuni.
Dan ġie rrappurtat fil-gazzetta In-Nazzjon, li f’artiklu rrappurtat kif Membri Parlamentari fil-Grupp Parlamentari ta’ Joseph Muscat huma qatta’ bla ħabel kontra dan l-impenn ta’ Joseph Muscat u qed jinsistu li Joseph Muscat ma għandu l-ebda mandat elettorali biex idaħħal dawn l-affarijiet fil-pajjiż.
In-Nazzjon żiedet tgħid li tista’ tiżvela li hemm Membri Parlamentari Laburisti li qed isostnu li moralment huma għandhom diffikultà kbira biex jaċċettaw ċerti pożizzjonijiet imposti minn Kastilja.
Il-ħsibijiet tal-Gvern f’dan ir-rigward kien ilhom jingħadu iżda uffiċjalment kien biss fil-jiem li għaddew li l-Gvern ressaq fil-Parlament Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni billi fost oħrajn idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.
B’hekk, ġenituri prospettivi se jkunu jistgħu jiffertilizzaw sa ħames embrijuni u dawk l-embrijuni li ma jintużawx, se jkunu jistgħu jiġu ffriżati.
Barra minhekk dawn l-emendi tal-Gvern jaħsbu wkoll biex tkun introdotta fil-pajjiż il-prattika tas-surrogacy – jiġifieri meta l-embrijun jitpoġġa f’ġuf ta’ mara oħra peress li l-omm ma tkunx tista’ ġġorrha hi.
Membri Parlamentari Laburisti qed jinsistu lis-sistema tal-IVF bħalissa ma tippermettix li jkun hemm iffriżar tal-embrijuni. Imma bit-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern, l-iffriżar tal-embrijuni se jibda jkun possibbli fil-proċess tal-IVF.
U minkejja li l-Gvern m’għandu l-ebda mandat elettorali li jagħmel dan, il-Gvern jidher li se jkompli jirrombla biex ikun jista’ jdaħħal fis-seħħ dawn il-prattiċi li dwarhom qed tikber vuċi interna fil-Partit, apparti milli fil-pajjiż, ta’ oġġezzjoni.
//= $special ?>