Fis-sit ta’ kostruzzjoni li qed jagħmel l-Gvern fis-Siġġiewi qed jidhru banners partiġġjani tal-Partit Laburista tal-Aqwa Żmien. Dawn r-ritratti li bagħtulna residenti Siġġiwin u li juru banners tal-Partit Laburista fis-sit.
Ir-residenti qalulna li jinsabu ferm diżappuntati bl-aġir arroganti tal-Gvern, l-aktar tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Galdes huwa deputat elett mis-Siġġiewi iżda irrifjuta li jiltaqa’ mar-residenti biex jisma t-tħassib tagħhom dwar dan l-iżvilupp eżaġerat, li mistenni jkabbar l-isfidi ta’ parkeġġ u traffiku f’din iż-żona ċentrali tas-Siġġiewi. Mhux biss irrifjuta li jiltaqa’ u jisma’ lir-residenti, imma issa Roderick Galdes qed jippermetti li fis-sit jitħallew banners tal-Partit Laburista.
U dan fl-istess waqt li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis trakkijiet għalqu parti mir-roundabout fi Triq Nikol Zammit b’inkonvenjent kbir għar-residenti u ġenituri li riedu jwasslu t-tfal fl-iskola biswit. Xi wħud ikkumentaw fuq Facebook li t-trakkijiet ħolqu kaos fiż-żona, bis-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit tinforma lir-residenti li t-trakkijiet tneħħew hekk kif ma kienux intalbu permessi tal-Kunsill Lokali biex jgħalqu t-triq u jaghmlu ix-xogħolijiet minn ġewwa fiha.


