Sewwieqa ttieħdet l-isptar wara inċident fil-bypass ta’ Birkirkara iżda fortunatament ġiet iċċertifikata li ma sofrietx ġrieħi.
Jirriżulta li l-ewwel seħħ bejn żewġ vetturi, Kia Avella u minibus, bil-karozza li ġiet imbuttata għal fuq vettura oħra tat-tip Kia sakemm waqfet mal-barriers tal-ġenb tat-triq.
Fil-post intbagħtu żewġ ambulanzi, iżda kienet biss ix-xufiera tal-Kia Avella li ttieħdet lejn l-isptar fejn fortunatament instab li ma kelliex bżonn tal-kura medika. Dan minkejja li saħansitra kien hemm bżonn ukoll l-intervent tal-membri tal-protezzjoni ċivili biex inqatgħet parti mill-istess vettura.
Kawża ta’ dan l-inċident, karreġġjata ta’ din it-triq traffikuża kellha tingħalaq bil-konsegwenza li nħoloq traffiku qawwi fl-inħawi.
Fil-post filfatt intbagħtu wkoll uffiċjali tal-Pulizija li ħadu ħsieb jikkontrollaw it-traffiku.