Lokali

AĠĠORNATA: Traġedja evitata – jaqgħu gallariji għal ġo parapett ta’ ħanut tal-merċa

Diżgrazzja evitata f’Marsaskala hekk kif it-Tlieta filgħaxija ċedew 3 gallariji fi Triq is-Silla f’Marsaskala. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-istrutturi jagħmlu parti minn binja li għadha qed tinbena.

Filwaqt li  fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija fortuntament jidher li ħadd ma ndarab fl-inċident għalkemm il-każ seta’ kien ferm agħar li kieku seħħ matul il-ġurnata.

Dan hekk kif il-gallariji waqgħu proprju f’parapett ta’ ħanut tal-merċa li ta’ kuljum ikun hemm in-nies deħlin u ħerġin minn għandu – Mara li tkellmet ma’ Net News saħqet li “kieku l-każ seħħ matul il-ġurnata din kienet tkun storja oħra, iżda fortunatament ġiet evitata traġedja”.

Xhieda fuq il-post li tkellmu ma din il-kamra tal-aħbarijiet saħqu li “hemm diżastru”. Filfatt jidher ukoll li dan l-inċident wassal għal qtugħ ta’ dawl fiż-żona.