Lokali

Ċentru Pubbliku tas-Saħħa f’Raħal Ġdid: Tintagħżel offerta €3.6 miljun ogħla

Offerta li ntagħżlet wara proċess ta’ tender għall-proġett ta’ ċentru pubbliku ġdid tas-saħħa f’Raħal Ġdid hi €3.6 miljun ogħla mill-irħas waħda li ġiet ippreżentata.

Fid-dawl ta’ dan, tliet kumpaniji qed joġġezzjonaw għall-għażla li saret, b’sorsi qrib The Times of Malta jiddikjaraw li dak li għaddej bħalissa hu dikjarazzjoni ta’ gwerra bl-oġġezzjonijiet tagħhom.

Il-kumpaniji li qed joġġezzjonaw huma Egron-Technoline JV, CMC di Ravenna u FMM Joint Venture li kellhom iħallsu €50,000 kull waħda biex iressqu l-protest tagħhom quddiem il-bord li janalizza l-Kuntratti Pubbliċi. Huma qed jgħidu li l-esklużjoni tagħhom mit-tender kienet illegali.

L-għażla għal dan il-proġett waqgħet fuq konsorzju bl-isem ta’ SP BB International JV li hu ffurmat mill-kumpaniji Ray Vella & Co Ltd, Pantalesco u Shapoorji. Dawn mistennija jieħdu xejn inqas minn €26 miljun biex iwettqu dan il-proġett.

Fost dawn tispikka l-kumpanija Ray Vella & Co Ltd li hi l-istess kumpanija involuta fil-bini tal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Min-naħa l-oħra Shapoorji hi kumpanija Indjana li r-rabta tagħha ma’ Malta hi dovuta għall-fatt li ġiet stabbilita f’Malta biex tibni l-faċilitajiet ippjanati minn Vitals Global Healthcare.

Il-kumpaniji li ressqu protest uffiċjali, ġew esklużi mill-proċess għaliex, skont il-Bord ta’ Analiżi, teknikament mhux konformi. Huma qed jitolbu li d-deċiżjoni kontrihom tkun annullata, b’Technoline Ltd tilmenta li l-offerta ppreżentata minnha hi 16% irħas minn dik aċċettata.

Il-fatt li din il-kumpanija hi teknikament mhux konformi jistona mal-fatt li l-istess Technoline ingħatat kuntratt esklussiv minn Vitals biex timmaniġġa l-provvista tal-apparat mediku kollu kif ukoll prodotti tal-farmaċewtika għall-isptarijiet Karin Grech, St Lukes kif ukoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fil-konfront ta’ din il-kumpanija, il-Bord ta’ Analiżi ddikjara li ma setgħetx tiġi aċċettata l-offerta tagħha għaliex espert tal-kumpanija għandu kunflitt ta’ interess peress li kien wieħed mill-persuni li ħolqu l-abbozz ta’ tender.

Iż-żewġ kumpaniji l-oħra li qed joġġezzjonaw għall-esklużjoni tagħhom, iddikjaraw li ġew esklużi fuq premessi foloz.

Iċ-ċentru tas-saħħa ġdid f’Raħal Ġdid kien ippjanat li jibda jopera sal-2020 iżda jirriżulta li diġa qiegħed sena b’lura fil-bini tiegħu. Dawn l-oġġezzjonijiet mistennija jkomplu jitfgħu l-proġett lura.