Lokali Qorti

FILMAT: Il-Fulu, iċ-Ċiniż, u l-Koħħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest

Deċiżjoni mistennija tingħata aktar tard mill-Qorti fil-ħin li ġej

It-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia talbu lill-Maġistrat għall-ħelsien mill-arrest sakemm jiġi deċiż il-każ.

Fil-Qorti dehru l-akkużati bl-omiċidju – Alfred Degiorgio magħruf bħala il-Fulu, George Degiorgio magħruf iċ-Ċiniż, u Vincent Muscat magħruf bħala il-Koħħu – wara li f’Diċembru li għadda ġew arrestati max-xatt tal-Marsa b’rabta mal-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar, it-tliet akkużati qalu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Maġistrat li qed tisma’ l-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’inqas minn xahar wara l-arrest, qalet li matul il-kumpilazzjoni tal-evidenza deher biċ-ċar li hemm biżejjed biex jibda l-ġuri quddiem il-Qorti Kriminali.

Illum fil-Qorti, fil-bidu tas-seduta l-avukati difensuri William Cuschieri u Martin Fenech talbu għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati abbażi tal-prinċipju legali li kull persuna hi meqjusa innoċenti sakemm tinstab ħatja – u għalhekk ma tistax iċċaħħadhom mill-liberta’. L-avukati żiedu jgħidu li l-akkużati ġabu ruħhom tajjeb il-ħabs u jekk il-Qorti tiddeċiedi li tagħti l-ħelsien mill-arrest tista’ timponi kerfju waqt li l-proċeduri jkomplu għaddejjin fil-Qorti.

Iz-zona fejn saru l-arresti

L-avukat Josette Sultana argumentat li persuna tinżamm taħt arrest għandha tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola – hekk kif fi kliemhom il-każ ġie “blown out of proportion”. Kien f’dak il-mument li l-avukat li qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, stqarr li din l-espressjoni ma kinitx xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-każ – u talab għal aktar sensittivita’.

Intant, għall-prosekuzzjoni l-Ispettur Keith Arnaud qal li dan hu każ serju fejn l-akkużati jistgħu jeħlu għomorhom il-ħabs – fejn qal li mhux kull omiċidju għandu jiġi meqjus l-istess. Filwaqt li żied li l-inkjesta għadha għaddejja biex tiġi titressaq aktar evidenza, u mhux jekk hemmx dubju jekk kienux it-tliet akkużati li wettqu l-qtil tal-ġurnalista.

Arnaud stqarr li dan il-każ ta’ organizzazzjoni kriminali mhuwiex wieħed fittizju, iżda hemm provi li dawn it-tliet persuni kienu involuti sew fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tas-sena li għaddiet.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit mistennija tagħti digriet dwar il-ħelsien mill-arrest in camera aktar tard.