Lokali

“Il-Gvern illejla naqas milli jwiegeb dwar dak li qed jistaqsi l-poplu Malti kollu u qed ikompli jaħbi l-verità” – Adrian Delia

Il-Ministru Chris Cardona u l-Prim Ministru għandom obbligu jwieġbu – In-nies għandhom dritt ikunu jafu l-verità kollha

Il-Kap tal-Oppozizzjoni Dr Adrian Delia llejla talab lill-Gvern jagħti spjega ċara u mingħajr ħabi dwar dak li qed ikun allegat dwar il-Ministru Cardona mill-ġurnal The Times of Malta. Huwa qal li n-nies għandhom id-dritt li jkunu jafu il-verità kollha dwar l-aħbar li għada kif żvelat it-Times of Malta dwar il-Ministru Cardona.

L-aħbar li għadha kif ippubblikat it-Times, li hi parti mill-konsorzju internazzjonali ta’ 18-il organizzazzjoni tal-midja, hija waħda serja ħafna u hi konnessa mall-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ghaldaqstant timmerita investigazzjoni serja u tweġibiet serji.

It-Times illejla żvelat li l-Ministru Chris Cardona ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio, li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kemm qabel kif ukoll wara l-qtil.

Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li minnufih ssir investigazzjoni serja, indipendenti u kredibbli mingħajr kull indħil politiku. L-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tal-Ministru Cardona ma jistgħux jitħallew għaddejjin qisu m’huma xejn. In-nies jistħoqqilhom li jkunu jafu l-verità kollha fuq dawn l-allegazzjonijiet.

Il-Partit Nazzjoanlista qed jitlob biex il-Gvern joħroġ il-verità kollha biex ma tibqax issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta bl-aġir u bil-ħabi tal-Gvern u b’attitudni ta’ impunità. Dan hekk kif l-għajnejn tad-dinja kollha issa jinsabu fuq pajjiżna.

Dan huwa l-mument li fih Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tibqa’ mħarsa, u biex ma jintilifx l-investiment u x-xogħol tan-nies għaliex nidhru li aħna pajjiż fejn qed tirrenja l-impunità.