Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq takkuża lir-Renju Unit dwar ‘att ta’ gwerra’

 

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, akkuża lir-Renju Unit dwar ‘att ta’ gwerra’ wara li t-Tmexxija Britannika bagħtet tliet bastimenti tal-gwerra tar-Royal Navy għar-ronda fl-ibħra tal-Peniżola Koreana.

Dawn il-bastimenti se jgħinu fil-‘moniteraġġ tal-kummerċ minn dik ir-rotta ta’ baħar’, fi żmien meta r-reġim Korean komunista qed iħejji għal taħditiet kruċjali mal-Istati Uniti.

Intant Kim Jong-un qed iqis l-istazzjonar tal-bastimenti tar-Royal Navy bħala ‘provokazzjoni kbira’. Dan fost rapporti li l-Mexxej komunista kkundanna lill-Gvern Britanniku ‘talli qed jindaħal f’affarijiet li ma jinteressawhx’.

It-tliet bastimenti tal-gwerra huma HMS Sutherland, HMS Albion u HMS Argyll – bl-istampa tal-Korea ta’ Fuq tgħid li n-Navy Britannika ‘qed twettaq imblokk navali bħala parti minn azzjoni aggressiva li qed ittellef il-paċi u l-istabbiltà fil-Peniżola Koreana’.

Il-Korea ta’ Fuq kompliet li ‘ir-Renju Unit qed jaħdem kontra l-iżviluppi pożittivi fir-relazzjonijiet ta’ Pyongyang mal-Korea t’Isfel u t-tnaqqis tat-tensjoni f’dik il-peniżola’.

Intant, l-HMS Albion se jkun qed iħares kontra ‘il-kummerċ ipprojbit’ li jiffinanzja l-programm nukleari ta’ Kim Jong-un u s-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Gavin Williamson qal li r-Renju Unit irid ikompli bl-impenji internazzjonali għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà f’dak ir-reġjun tad-dinja.

L-HMS Albion u l-HMS Sutherland anki se jieħdu sehem f’eżerċizzji ta’ taħriġ mal- Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun. Williamson, fl-istess ħin, tenna li r-Renju Unit se jkompli jaħdem mill-qrib mal-alleati biex jinforza s-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq  ‘sakemm din tgħaddi mill-kliem għall-azzjoni u tonqos it-tensjoni fil-peniżola’.