Il-Ministru Chris Cardona kien qed ikun f’bar frekwentat minn wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-informazzjoni inġiebet għall-attenzjoni tal-maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista.
Dan kien żvelat minn Times of Malta li qiegħda parti minn The Daphne Project, grupp ta’ ġurnalisti li qed ikomplu jinvestigaw l-istejjer tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Skont żewġ xhieda li kienu mitkellma separatament minn ġurnalisti li qed jaħdmu f’dan il-proġett, il-Ministru tal-ekonomija Chris Cardona deher jixrob f’bar ma wieħed mill-qattiela.
Chris Cardona kien deskritt bħala klijent frekwenti ta’ dan il-bar fis-Siġġiewi. Il-Ministru meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan il-fatt qal li hu ma jiftakarx li kellu xi konverżazzjoni ma wieħed mit-tliet akkużati.
Tim ta’ ġurnalisti minn France 2 u Radio France żaru dan il-bar u klijent tal-bar qal li Chris Cardona kien ikun ta’ spiss hemm fi tmiem il-ġimgħa.
Saħansitra wieħed mill-akkużati kien hemm il-lejl ta’ qabel ma ġie arrestat fil-Marsa fl-4 ta’ Diċembru tal-2017.
Xhud ieħor li kellmu l-ġurnalisti barranin identifika lill-Alfred Degiorgio li kien flimkien ma Chris Cardona fl-istess bar fis-Siġġiewi u saħansitra ħarġu flimkien mill-bar. Dan kien f’Novembru jiġifieri xahar wara l-qtil tal-ġurnalista.
Il-familja Caruana Galizia kienet taf bl-allegazzjonijiet u saħansitra infurmaw lill-maġistrat inkwerenti b’dan kollu.
Meta l-ġurnalisti għarrfu lill-Prim Ministru b’din l-informazzjoni kull ma qalilhom il-Prim Ministru Joseph Muscat kienet biss “ippublikaw id-dettalji”.
Fi stejjer oħra ippublikati minn The Times ingħad kif anke wara l-qtil tagħha Daphne Caruana Galizia irċeviet numru ta’ messaġġi. Kif ukoll ingħad kif l-ebda politiku ma’ kien investigat b’rabta ma’ dan il-qtil.
F’intervista lil The Guardian, ir-raġel tal-ġurnalista maqtula, Peter Caruana Galizia iddikjara li l-ordni biex tinqatel ġiet minn pajjiżna stess u esprima tħassib li elementi fi ħdan il-gvern qed jipproteġu lil min ikkummissjona l-qtil. Jgħid ukoll li interessi politiċi qed ixekklu l-investigazzjoni tal-pulizija.
The Guardian ħarġet ukoll rekording ġdid tal-ġurnalista ġimgħat qabel inqatlet fejn tgħid li l-Partit Laburista kiseb iktar poter meta tela’ fil-gvern u li issa saret l-mira nazzjonali tal-gvern.
//= $special ?>