Kultura Lokali

Jitnieda netwerk ġdid għall-ħidma fil-politika kulturali

Esperti Ewropej magħrufa madwar l-Ewropa fil-qasam tal-politika kulturali, iniedu netwerk ġdid.

It-tmien fundaturi tal-Cultural Policy Designers Network (CPDN) ingħaqdu flimkien biex joħolqu sħubija alternattiva fuq livell internazzjonali għal pariri, ippjanar strateġiku u implimentazzjoni ta’ proġetti fl-arti, l-kultura u l-ekonomija kreattiva.

Fost il-fundaturi hemm il-Malti, Toni Attard, l-fundatur u d-direttur ta’ Culture Venture f’Malta. Il-fundaturi l-oħra huma minn Franza, il-Portugall, ir-Renju Unit, il-Belġju, il-Bulgarija, s-Slovenja u l-Estonja.

Dan huwa l-ewwel netwerk Ewropew ta’ dan it-tip. Intant ic-CPDN ser jkun qed iservi bħala pjattaforma għall-membri tiegħu sabiex jiżviluppaw sħubijiet ma’ istituzzjonijiet kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq wieħed internazzjonali filwaqt li l-esperti fil-politika kulturali qed joperaw mis-settur indipendenti.

In-netwerk irid jopera bħala forza Ewropea li tipprovdi kompetenza fl-oqsma kulturali biex taqdi l-proġett Ewropew fid-dimensjoni soċjali, ekonomika u diplomatika tagħha. Cultural Policy Designers Network mistenni jkun indipendenti filwaqt li jkun bbażat fuq ħidma kulturali, ħieles minn kwalunkwe affiljazzjoni politika.

Fix-xhur li ġejjin CPDN se jibda jitkellem ma’ netwerks u organizzazzjonijiet oħra sabiex flimkien jesploraw soluzzjonijiet ġodda u alternattivi għal sfidi fl-iżvilupp kulturali permezz ta’ kollaborazzjoni Ewropeja.

Tags