Lokali Parlament

“Il-poplu għandu dritt ikun jaf; l-Oppożizzjoni se tibqa’ tistaqsi” – Adrian Delia

Fil-Parlament illejla ma kien hemm ħadd mit-tmexxija tal-Gvern

“Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’għamel il-Ministru Chris Cardona wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia” Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia meta spjega l-pożizzjoni tal-PN wara li ħarġu aħbarijiet ġodda dwar il-qtil tal-ġurnalista Maltija.

“Iktar ma’ l-Gvern jipprova jagħlaq ħalq min imaqdru, l-Oppozizzjoni iktar se tqum biex titkellem sakemm issir ġustizzja, u tidher li qed issir”.

Adrian Delia fakkar li l-Oppożizzjoni staqsiet dwar Pilatus Bank, l-FIAU, Ali Sadr, dak li l-Gvern qed jaghmel ma’ karattri suspettużi – imma l-Gvern dejjem ħarab milli jwieġeb. Minflok il-Gvern jipprova jaljena lin-nies bi proposti bħall-qtil tal-embrijuni.

Delia qal li l-Oppożizzjoni mhux se tispekula jew tiġri lejn konklużjonijiet imma trid tibqa’ ssaqsi għaliex il-Gvern ma għamilx stqarrija ministerjali biex jiċċara allegazzjonijiet hekk serji.

Intant, fi stqarrija xotta li ħarġet sagħtejn wara li faqqgħet l-istorja ta’ Chris Cardona, il-Partit Laburista ma wieġeb xejn dwar dawn l-akkużi serjissimi.

L-istqarrija tal-Partit Laburista tgħid biss li “il-Partit Laburista jinnota l-kummenti ta’ Adrian Delia llejla fil-Parlament”.

Il-Partit Laburista għażel li jitkellem dwar Adrian Delia iżda waqa’ fil-muta dwar il-Ministru Chris Cardona.