Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, wissa dwar ‘indikazzjonijiet li teżisti gwerra ċivili fl-Ewropa’ bejn id-demokrazija liberali u l-ispinta ġdida lejn l-awtoritarjaniżmu.
Macron, li kien qed jagħmel diskors fil-Parlament Ewropew ta’ Strasbourg, ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex iġġedded l-impenn tagħha għad-demokrazija waqt li tenna li huwa ‘ma jridx ikun parti minn ġenerazzjoni ta’ nies li insew il-passat tagħhom (b’referenza għal kif l-UE twieldet u żviluppat wara t-Tieni Gwerra).’
Il-President Franċiż qed jaħseb biex jistimola d-dibattiti mal-votanti bil-għan li jsaħħaħ il-kuntatti bejnhom u l-UE, u, waqt id-diskors, ikkundanna ‘il-mod kif in-nies (fl-Ewropa) affaxxinaw ruħhom b’dak li mhux liberali’.
Emmanuel Macron, tal-Partit LREM liberali, is-sena l-oħra rebaħ l-elezzjonijiet ta’ pajjiżu b’manifest qawwi favur l-UE u fejn irnexxielu jegħleb lill-Kap tal-Front Nazzjonali estremista, Marine Le Pen, li tikkritika bil-kbir lill-Unjoni.
Fl-istess ħin, Macron uża d-diskors fi Strasbourg biex jikkritika lill-Ewroxettiċi li mexxew il-vot għall-Brexit fir-Renju Unit. Peress li t-tluq tar-Renju Unit mill-UE se jħalli ħofra kbira fil-finanzi tal-Unjoni, Macron qed jesiġi biex ma jkunx hemm aktar rebates għal xi pajjiżi-membri ‘meta Franza tinsab lesta biex iżżid il-kontribuzzjoni tagħha’.
Intant, id-diskors ta’ Macron ikkonċentra l-aktar fuq il-viżjoni għat-tiġdid demokratiku fl-UE fi żmien is-sentimenti ta’ nazzjonaliżmu qawwi fi Stati bħall-Polonja u l-Ungerija.
Id-deputati fi Strasbourg irriżervaw applaws speċjali għall-kumment ta’ Macron li ‘id-demokrazija għandha tifsira speċjali għaliex ħierġa mill-battalji tal-passat’.
Intant, Macron qed jiffaċċja sfida kbira qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, meta l-Partit LREM mhux affiljat ma’ xi ħadd mill-gruppi ewlenin fil-Parlament tal-Ewropa.
//= $special ?>

