Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Malta għandha bżonn soċjetà ċivili b’saħħitha – Zammit Dimech

“F’pajjiż demokratiku hemm bżonn soċjetà ċivili b’saħħitha, għaliex din isservi rwol importanti fl-iskrutinju tal-gvernijiet u l-awtoritajiet speċjalment meta l-istituzzjonijiet li suppost ikunu indipendenti jinħatfu minn xi gvern u jfallu milli jagħmlu dmirhom.” Qal dan il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista Francis Zammit Dimech waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar miżuri biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Zammit Dimeċh fakkar kif fl-aħħar jiem, f’Malta rajna l-attivisti ambjentali li qed jaħdmu biex isalvaw żoni li suppost ma jkunux żviluppati milli jinqerdu. Hu qal li pajjiżna ra wkoll attivisti oħra jaħdmu biex issir ġustizzja u toħroġ il-verità dwar il-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. “Fiż-żewg każi kien hemm xi ħaġa komuni: l-awtoritajiet ipruvaw jagħlqu ħalq l-għaqdiet u jwaqqfu l-inizjattivi simboliċi tagħhom,” żied jgħid Zammit Dimech.

Zammit Dimech spjega li dawn huma żewġ eżempji li jixhdu għaliex hemm bżonn miżuri kif ngħinu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod finanzjarju sabiex nixprunaw il-ħidma tagħhom. Tenna wkoll li “irridu soċjetà ċivili b’saħħitha sabiex nissalvagwardjaw il-valuri fundamentali tal-Ewropa: il-libertà, d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-ġustizzja fost l-oħrajn u biex niġġieldu l-korruzzjoni, in-nepotiżmu u l-amministrazzjoni pubblika ħażina.”

Francis Zammit Dimech saħaq li s-soċjetà ċivili hi l-vuċi tan-nies, inkluż ta’ dawk li ma għandhomx vuċi jew li jagħżlu forom oħra ta’ parteċipazzjoni minħabba raġunijiet varji fosthom theddid tal-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni. Għalhekk hu għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha attivi fis-soċjetà ċivili f’Malta tal-ħidma li qed iwettqu mingħajr ebda interessi, ħlief fl-interess ta’ Malta.