Lokali

Raġel jispiċċa l-isptar wara sparatura f’razzett – ibnu arrestat

Raġel ta’ 31 sena ġie arrestat wara li spara għadd ta’ tiri fid-direzzjoni ta’ missieru fil-Għargħur, bil-vittma jispiċċa l-isptar.

L-isparatura seħħet f’razzett fi Triq San Ġorġ għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu bil-vittma jeħlisha ħafif wara li allegatament intlaqat ħafif b’wieħed mit-tiri sparati.

Madankollu r-raġel, li għandu 58 sena u residenti l-Mosta, kellu bżonn il-kura u fil-post issejħet ambulanza li ħadet il-vittma l-isptar Mater Dei għall-kura.

Jirriżulta li kollox beda minn argument fil-familja li eskala tant li seta’ spiċċa fi traġedja.

L-aggressur, residenti l-Għargħur stess, li ħarab minn fuq il-post bl-arma tan-nar bil-pulizija tibda immedjatment tfixxija għalih.

Filfatt fiż-żona ntbagħtet preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-Pulizija li bdew tfittxija li ssarfet f’arrest mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit ftit tal-ħin wara.

L-akkużat qed jinżamm għal iktar investigazzjoni filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, b’diversi esperti li qed jassistuha.