L-ispetturi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) sa fl-aħħar ingħataw permess biex iżuru s-sit fejn allegatament seħħ l-attakk ta’ jiem ilu bil-materjal kimiku fuq ir-residenti ta’ Douma, fis-Sirja.
Ir-Russja żvelat din l-aħbar ftit jiem wara li l-esperti kienu waslu fil-kapitali Sirjana, Damasku, u fejn kellhom jibqgħu hemm ‘għal żmien’ minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Sadanittant, l-Istati Uniti hi mħassba li r-Russja – alleata ewlenija tal-President Sirjan, Bashar al-Assad – setgħet ħadet l-opportunità mill-‘istaġnar’ biex tneħħi materjal li jista’ jindika attakk kimiku mis-sit inkwistjoni.
Filwaqt li l-Gvern Sirjan qed jgħid li l-inċident tas-7 ta’ April f’Douma kien ‘ivvintat għal skopijiet ulterjuri’, attivisti tal-Oppożizzjoni Sirjana, l-organizzazzjonijiet mediċi u ħaddiema tal-għajnuna fis-Sirja qalu li nqatlu l-għexieren ta’ nies f’Douma wara li ajruplan waddab il-barrel bombs bil-materjal tossiku fuq din il-belt meta kienet għadha kontrollata mir-ribelli ta’ kontra Assad.
L-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza qalu li, skont is-sorsi u l-informazzjoni tagħhom, jinsabu kważi ċerti li l-Gvern Sirjan ‘uża l-gass klorin u elementi oħra li jattakkaw in-nervaturi tal-ġisem’ kontra n-nies ta’ Douma.
Il-qawwiet ta’ dawn l-alleati tal-Punent, fi tmiem il-ġimgħa, attakkaw kumplessi u siti ‘li kienu speċifikament assoċjati mal-programm għall-armi kimiċi tar-reġim Sirjan’.
Intant, l-ispetturi tal-OPCW, għada, mistennija jivvjaġġaw lejn Douma biex jiġbru kampjuni mill-ħamrija u tipi ta’ kampjuni oħra bit-tama li, ‘il quddiem, jidentifikaw xi kimika li setgħet intużat għall-attakk.
Filwaqt li l-Gvern Sirjan qed ikompli jiċħad dwar l-armi kimiċi, in-Nazzjonijiet Uniti u l-OPCW jaqblu li teżisti konnessjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Assad u erba’ attakki kimiċi li seħħew matul il-konflitt ċivili tas-Sirja li ilha għaddejja s-snin.
//= $special ?>


