Lokali

Villa Degiorgio tista’ titwaqqa’ għalkollox … inkluż il-faċċata li suppost kellha tinżamm

Applikazzjoni li kienet approvata fl-2016 biex titwaqqa’ Villa Degiorgio, f’Tas-Sliema, iżda tinżamm il-faċċata tagħha, issa mistennija tinbidel biex din titwaqqa’ għalkollox.

Kien f’Ottubru tal-2016 li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat applikazzjoni għat-“twaqqiegħ tal-villa eżistenti, bl-esklużjoni tal-faċċata li għandha tinżamm. L-iskavar propost għandu jinkludi wkoll garaxxijiet f’livell taħt l-art kif ukoll kostruzzjoni ta’ appartamenti.”

Iżda issa l-applikant, f’applikazzjoni li tressqet għand l-Awtorità fl-aħħar jiem, qed jitlob li jsiru emendi għall-permess li kien inħariġlu fejn qed jitlob li titwaqqa’ l-faċċata wkoll, kif ukoll approvazzjoni ta’ żewġ livelli oħra ta’ garaxxijiet taħt l-art kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ livell ieħor (it-tielet wieħed) ta’ appartamenti.

L-applikant ilu snin twal jipprova jwaqqa’ din il-binja tant li lura fl-2011 kellu l-applikazzjoni tiegħu rifjutata. Minkejja r-rifjut, lil The Times of Malta kien iddikjara li xorta waħda kien se jbiddel il-villa f’appartamenti, billi jaqsamha fuq ġewwa.

Fl-2011, id-deċiżjoni tal-Awtorità, sa dak iż-żmien f’entità waħda magħrufa bħala l-MEPA, kienet ibbażata fuq il-fatt li “l-iżvilupp propost se jikkomprometti l-integrità viżwali taż-żona” li sa dak iż-żmien kienet karatterizzata minn binjiet fuq żewġ livelli.”

Il-membri tal-bord dak iż-żmien kienu mħassba wkoll li “l-iżvilupp propost kien se jwassal fi żvilupp esaperat tas-sit, b’impatt fuq wieħed mill-pulmuni ħodor u spazji miftuħa f’Tas-Sliema.

Mill-2011 sa llum, l-iżvilupp mhux biss ġie approvat imma issa mistenni jkun ferm iktar massiċċ minn dak propost oriġinarjament.