Futbol Sport

13-il plejers u żewġ uffiċjali se jitilfu l-aħħar logħba tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: MFA)

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA ssospenda xejn anqas minn 13-il plejer u żewġ uffiċjali wara l-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet tal-Kampjonat BOV Premier.

L-agħar li kienu milquta kienu Birkirkara li se jkollhom lil Carlos Alberto da Silva sospiż żewġ logħbiet, lil Jake Grech sospiż logħba, lil Nick Borg sospiż sas-17 ta’ Diċembru filwaqt li l-uffiċjal Jonathan Friggieri ġie sospiż erba’ logħbiet. B’hekk se jitilfu l-aħħar konfront kontra Ħamrun Spartans.

Floriana għandhom lil Jurgen Pisani sospiż tliet logħbiet u lil Maurizio Vella sospiż logħba. L-uffiċjal Peter Agius ġie sospiż żewġ logħbiet. Huma se jitilfu l-konfront kontra Lija Athletic li se jkollhom lil Ousmane Sidibe sospiż logħba.

Il-leaders Balzan se jkollhom lil Carlos Eduardo de Fiori Mendes (Cadù) sospiż logħba fejn se jitlef il-konfront importanti kontra Hibernians. Sacha Borg u Ndubisi Okoye se jitilfu l-konfront li Gżira United għandhom kontra Valletta.

Kemar Reid se jitlef żgur il-konfront li St. Andrews għandhom kontra Tarxien wara li ġie sospiż tliet logħbiet, filwaqt li Kurt Magro u Davide Mansi ta’ Mosta u Matias Muchardi ta’ Sliema Wanderers se jitilfu l-konfront ta’ bejniethom.