Lokali

Aktar minn 20,000 ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ ġodda

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Eluf ma jaffordjawx żewġ pari żraben

F’pajjiżna għad fadal aktar minn 20,000 persuna li mhux kapaċi jaġġornaw ħwejjiġhom u jbiddluhom għall-ġodda, fejn madwar nofshom saħansitra qalu li ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ ġodda.

Dan ħareġ minn stħarriġ ieħor tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li fih irriżulta wkoll kif aktar minn 21,000 persuna m’għandhomx aktar minn żewġ pari żraben, b’aktar minn 14,000 minnhom qalu li għax ma jaffordjawx.

L-NSO qed jirrapporta wkoll tnaqqis fil-persuni fir-riskju tal-faqar, fejn l-aktar li għadhom milquta negattivament huma ż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena.

Barra minhekk, jirriżulta wkoll li 7.2 fil-mija ma jaffordjawx joħorġu għal ikla jew sempliċiment għal drink mal-familja jew ma’ sħabhom għall-anqas darba fix-xahar.

Dan jammonta għal kważi 26,000 persuna, li qalu li ma jaffordjawx, filwaqt li kważi 34,000 persuna oħra wieġbu b’raġunijiet oħra dwar in-nuqqas ta’ possibbiltà li jieklu jew jixorbu mal-familja jew ma’ sħabhom.