Lokali Qtil Politiku

In-nies qed jistennew il-verità u t-tweġibiet mingħand il-Ministru Chris Cardona

Il-PN jitlob is-sospensjoni tax-xogħol tal-kamra biex din id-diskussjoni issir b'urġenza

Fil-Parlament bħalissa, waqt li għaddejja s-seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitlob lill-Gvern biex iwieġeb il-mistoqsijiet li qamu lbieraħ wara r-rapporti serji li ħarġu fil-media internazzjonali dwar il-Ministru Chris Cardona.

Għalhekk, Adrian Delia ressaq talba fil-Kamra tar-Rappreżentanti taħt l-Artiklu 13 tal-Ordni Permanenti biex jitressaq l-aġġornament tal-Kamra. Dan sabiex minflok fil-Parlament, issir diskussjoni fuq l-allegazzjoni li kienet ippubblikata fit-Times of Malta, bħala parti mill-konsorzju internazzjonali ta’ 18-il organizzazzjoni tal-midja.

Delia ressaq din it-talba għaliex id-diskussjoni fuq dak li rrappurtat il-midja dwar il-Ministru Chris Cardona hija ta’ importanza pubblika urġenti. Din l-allegazzjoni hija waħda serja ħafna u hi konnessa mall-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ilbieraħ, it-Times żvelat li l-Ministru Chris Cardona ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio, li jinsabu akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kemm qabel kif ukoll wara l-qtil tal-ġurnalista f’Ottubru li għadda.

Hu l-interess tan-nies li ssir din id-diskussjoni fil-Parlament dwar din l-allegazzjoni serja li saret minn konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti dwar il-Ministru Chris Cardona. Għalhekk, l-Oppożizzjoni għamlet din it-talba sabiex jitressaq l-aġġornament tax-xogħol tal-Kamra, b’responsabbilità u serjetà kbira għaliex wara li The Times of Malta ppubblikat l-allegazzjoni dwar il-Ministru Chris Cardona, in-nies jixirqilhom li jkunu jafu l-verità sħiħa.

Adrian Delia qal li ħadd ma hu se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jagħmel il-mistoqsijiet li n-nies qed jistennew ir-risposti għalihom. Dr Delia reġa’ enfasizza li dan huwa l-mument fejn Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ma tibqax issir ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.