L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena, li wasal biex jagħlaq, serva għal darb’oħra bħala paraventu biex il-kaċċaturi joħorġu jisparaw għal kulma jaraw itir quddiemhom.
Hekk saħqet Birdlife waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn qalet li tul l-istaġun s’issa ġabret 10 għasafar protetti li ġew konfermati mill-veterinarju li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa llegali. Għasfur ferut ieħor inġabar proprju waqt li kienet għaddejja l-konferenza stampa u ntwera lill-ġurnalisti preżenti fl-uffiċċji ta’ BirdLife Malta qabel ma ttieħed għand il-veterinarju li aktar tard ikkonfermat li wkoll kien intlaqat b’tiri ta’ senter. Dan ifisser li l-ammont ta’ għasafar feruti jew maqtula llegalment tela’ għal 11.
Birdlife qalet li dan hu biss persentaġġ żgħir mit-total ta’ għasafar maqtula għax kienu osservati ħafna speċi oħrajn qed jiġu kkaċċjati, inkella b’sinjali ċari ta’ saqajn u ġwienaħ feruti kkaġunati minn tiri ta’ senter.
L-ammont ta’ summien iddikjarat bħala maqbud hu biss ta’ 229, skont tagħrif li għandha f’idejha t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi.
Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima, il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana u l-Conservation Manager Nicholas Barbara spjegaw li l-filmati u d-dokumentazzjoni kollha miġbura se jiffurmaw parti minn rapport li BirdLife Malta se tibgħat lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha d-dmir li tiċċekkja jekk l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena mexiex skont il-parametri stipulati, fost l-oħrajn biex ikun assigurat li ma tinqatilx il-gamiema, li llum hija klassifikata bħala vulnerabbli.
Birdlife appellat biex ir-responsabbilitajiet tal-infurzar jgħaddu taħt l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li titwaqqaf taqsima speċjalizzata fi ħdan il-korp tal-pulizija li tkun responsabbli esklussivament mir-reati kriminali marbutin mal-ambjent.
U fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti wissiet lill-kaċċaturi membri tagħha, li min jinqabad jikser xi regolament waqt dan l-istaġun tal-kaċċa u jinstab ħati, jitlef is-sħubija tiegħu mall-FKNK, sħubija li minghajrha ma jistax ikollu liċenzja tal-kaċċa.
L-FKNK iddikjarat ukoll li mhix se tittollera li xi ħadd, hu min hu, b’tali ksur tal-liġi jipperikola l-applikazzjoni tad-deroga għall-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa.
U Kaċċaturi San Ubertu ċaħdu l-allegazzjonijiet ta’ Birdlife. L-għaqda ddikjarat li dan kien staġun fqir fil-passa u li sar survey b’osservazzjoni fi tletin post differenti, liema survey se jgħaddi għand il-Kummissjoni Ewropea.
L-istess għaqda esprimiet sapport lejn kaċċa sostenibbli b’osservanza stretta tar-regoli, b’tolleranza zero u kollaborazzjoni totali mal-uffiċjali tal-infurzar.
//= $special ?>

