Quddiem xenarju fejn hemm numru ta’ vakanzi fil-Korp tal-Imħallfin u l-Maġistrati, il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat għandu għażla importanti ħafna x’jagħmel… dik li jew jagħżel it-triq li jsaħħaħ il-Qrati Maltin jew dik li jkompli jdgħajjef l-istituzzjonijiet.
Sorsi fil-qrati Maltin li matul din il-ġimgħa tkellmu fit-tul ma’ il-mument fissrulna li l-aħbar tal-Gvern li l-Imħallef Joseph Azzopardi kien se jinħatar Prim Imħallef kienet tfisser li se jkomplu jinħolqu aktar vakanzi fil-Korp tal-Maġistrati u l-Imħallfin.
Diġà hemm numru ta’ vakanzi eżistenti fiż-żewġ faxex tal-ġudikatura u numru ta’ persuni għandhom għajnejhom iffukati fuq dak li qed jiġri jew għaliex personalment għandhom interess dirett, jew għaliex iridu jaraw kif se jiżvolġu l-ħatriet li mistennija jagħmel il-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin.
Fost dawk li qed tissemma’ b’insistenza għall-kariga ta’ Mħallef ġdid hemm l-Avukat Anna Mallia. Dan minkejja li hemm persuni oħrajn li isimhom ilu jiġi eżaminat iżda għal xi raġuni qatt ma avvanza għal ħatra b’konsegwenza li Anna Mallia se tkun ‘fast tracked’ minkejja l-kompetenzi tagħha. Hemm ismijiet oħrajn li qed jissemmew f’ċerti kuriduri għall-ħatra ta’ Mħallef u fost dawn l-ismijiet hemm dawk ta’ persuni ġejjin mill-korp tal-Maġistrati.
It-tħassib wara l-ħatra imminenti ta’ Anna Mallia ġej mid-dikjarazzjoni li għamlet ftit tax-xhur ilu biss fil-konfront ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, meta fil-ġurnal tal-General Workers’ Union kienet kitbet li: “Keith Schembri m’għandux jirreżenja u li m’għandu jagħti spjegazzjoni lil ħadd dwar il-kumpaniji tiegħu.”
Dakinhar kienet żiedet tikteb li: “Keith Schembri huwa persuna li kien fin-negozju snin qabel ma sar Segretarju Privat tal-Prim Ministru. La legalment u lanqas etikament ma rriżulta li sar xi ħaġa ħażina u ma għandu jagħti spjegazzjoni lil ħadd ta’ x’għamlu l-kumpaniji tiegħu u x’għamel hu sakemm laħaq Segretarju Privat.”
Dan kollu invista tal-iskandlu ‘Panama Papers’ fejn l-Avukat Anna Mallia kienet kompliet bid-difiża tagħha għal Kieth Schembri billi kitbet li jekk hemm responsabbiltà x’tinġarr, din għandha tinġarr mill-ewwel ġurnata li Keith Schembri nħatar Segretarju Privat tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Tul il-leġislatura li għaddiet u anki f’din il-leġislatura, il-Gvern diġà appunta persuni fil-ġudikatura li bihom xegħel bozza ħamra ħafna. Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li l-Gvern f’dan il-mument partikulari qiegħed f’salib it-toroq dwar x’għażliet għandu jagħmel… jew dawk favur il-ħarsien tal-ġustizzja u t-tisħiħ tagħhom biex hekk il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom is-serħan tal-moħħ, jew li jkompli jdgħajjef l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Il-ħatra ta’ Joseph Azzopardi bħala l-Prim Imħallef ġdid flok il-Prim Imħallef attwali Silvio Camilleri, se tkun qed issir nhar is-26 ta’ April li ġej. Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri se jkun qed jirtira mill-kariga minħabba li jkun għalaq il-65 sena.
Mossa oħra li mhux eskluża hi li jinħatar Imħallef l-Avukat Ġenerali li għal xhur sħaħ ilu jiġi sfiduċjat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista kif ukoll mis-soċjeta ċivili għall-mod kif aġixxa f’kwistjonijiet sensittivi. L-Oppożizzjoni talbet formalment ir-riżenja tiegħu iżda din ma seħħitx. Mhux eskluż li l-gvern isib mod pulit kif iwarrab lill-Avukat Ġenerali billi jaħtru Mħallef.
//= $special ?>