L-Iskola Sekondarja Verdala tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla ilha ttella’ l-wirja annwali tagħha minndu nfetħet f’nofs is-snin 80 u din is-sena ntgħażlet t-tema tal-Belt Valletta bħala l-Belt Ewropea tal-Kultura. L-istudenti ttieħdu fuq bosta żjarat fil-Belt sabiex iħejju lilhom infushom aħjar għall-wirja, kemm b’teħid ta’ ritratti kif ukoll taħdidiet f’binjiet u postijiet .
Kayden Chetcuti, student tat-3 sena fis-Sekondarja, tarrfilna x’ħejjew l-istudenti tal-Istudji Ewropej b’rabta mal-Belt:
“Iddeċiedejna li nagħmlu proġett fuq il-Valletta2018 peress li din is-sena l-belt kapitali hija l-Belt Ewropea tal-Kultura. Għamilna xi ftit proġetti storiċi u dwar kif il-Belt hija llum bħas-salib tal-Kavallieri tal-Berġa Ġermaniża u libsa tradizzjonali tal-Karnival bis-salib tal-istess Ordni.” Dan apparti li ħejjew mudell tal-Belt f’forma ta’ gradilja bħalma ppjanta Francesco Laparelli u proġetti b’rabta mar-rebranding tal-Valletta 18 fuq il-flotta tal-Air Malta u l-Qorti fost l-oħrajn.
Studenti minn 17-il suġġett ieħor ħejjew għadd ta’ proġetti b’laqtiet speċjalizzati dwar il-Belt Valletta, fosthom anki fit-teknoloġija. Jake Chetcuti u Gareth Desira tkellmu magħna dwar il-proġett tagħhom b’rabta mal-parkeġġ fil-Belt:
“Biex il-Belt Valletta baqgħet relevanti u moderna tul l-450 sena ta’ storja, maż-żmien żiedu ħafna teknoloġija ġdida. Waħda mit-teknoloġiji li qed tiġi mplimentata bħalissa huma s-sensors tal-parkeġġi. Meta karrozza tgħaddi minn fuq is-sensor, taqra l-karrozza u fuq il-mobajl tindika fejn hemm parkeġġ u fejn m’hemmx. Ippruvajna nipprogrammaw dan il-proġett bl-EV3 u rnexxielna.”
Sabiex jikber l-għarfien dwar il-Belt Valletta, Alesea Spiteri u Shelseya Tanti, studenti tal-Ġeografija, ħejjew kwiżż għall-viżitaturi tal-wirja:
“F’din il-logħba għandna 10 karti li fihom ftit informazzjoni dwar xi postijiet ġol Belt, b’uħud minnhom ġew irrestawrati f’dawn l-aħħar snin. Imbagħad tagħżel karta b’6 tweġibiet li trid tistudja u tiftakar bl-amment f’temp ta’ 2 minuti. Wara li tinxteħet id-damma, tiġi mistoqsi xi mistoqsijiet abbinat man-numru li tela’ u jekk tirbaħ, tingħata ħelwa.”
Ma setax jonqos li l-istudenti tal-arti jipparteċipaw fil-wirja b’tippinġijiet ta’ xeni mill-Belt. Nicole Plant u Yasmine Vella elaboraw magħna dwar l-għażla tax-xena u x-xogħol li ħadu fuq it-tpinġijiet tagħhom. Plant qaltilna kif minn dejjem kien il-gost tagħha li tpinġi xeni bil-knejjes u fil-fatt pprovat tpinġi l-Bażilika tal-Karmnu tal-Belt b’oil pastels maħlul bi spirtu abjad biex kisbet dan l-istil. Mill-banda l-oħra, Vella, li ppreferiet xeni mit-toroq tal-kapitali, għażlet xena ta’ bar f’Triq l-Arċisqof għat-tpinġija tagħha bl-użu taċ-chalk pastels u l-water colours.
Il-wirja, ikkoordinata minn grupp ta’ 5 għalliema mmexxija mis-Sinjura Rita Debattista, hija miftuħa għall-pubbliku sal-Ġimgħa 20 t’April bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar.
//= $special ?>