22 entità ngħaqdu flimkien f’pass storiku fejn iffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha qed isejħu għall-ħarsien tal-wirt mibni.
Id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata quddiem il-Parlament ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Monumenti u s-Siti bil-messaġġ ewlieni tal-entitajiet firmatarji jkun messaġġ dwar il-mod kif jiġi trattat il-wirt tagħna u l-legat li se jitħalla lill-ġenerazzjonijiet futuri.
“Nistqarru li ma nistgħux nittolleraw aktar il-falliment tal-istat li jħares wirt pajjiżna kif iggarantit mill-Kostituzzjoni” qed jisħqu l-għaqdiet, waqt li jitolbu lill-Gvern biex jerfa’ r-responsabbiltà li għandu biex iħares il-Kostituzzjoni, partikolarment il-parti fejn jingħad li l-Istat għandu jissalvagwardja l-pajsaġġ u l-patrimonju storiku u artistiku tan-nazzjon.
“Qegħdin naraw tibdil mgħaġġel, li qed jittrasforma l-karattru uniku arkitettoniku, it-toroq u l-iskyline tal-irħula u l-ibliet tagħna b’mod drammatiku u irriversibbli”, qalet Maria Grazia Cassar mill-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa fl-indirizz tagħha. “Dawn jinsabu mhedda u f’riskju li jintilfu. Qed naraw it-twaqqigħ indiskriminat tal-wirt mibni u kulturali, u l-kwalità tal-ambjent urban qed jiftaqar kuljum”, żiedet tgħid.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Periti Alex Torpiano qal lil NET News li dawn l-appelli m’humiex kontra l-iżvilupp – iżda għall-kuntlarju, favur żvilupp sostenibbli. “L-iżvilupp li jsir għandu jkun bis-sens”, qal Alex Torpiano waqt li spjega modi differenti kif f’pajjiżna jista’ jkollna żvilupp li jagħmel sens. Torpiano żied li d-dikjarazzjoni ffirmata minn dawn l-entitajiet kollha se tkun qed tiġi preżentata lill-partiti politiċi.
Fost l-affarijiet li qed jintalbu fid-dikjarazzjoni hemm protezzjoni akbar liż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana minflok il-protezzjoni attwali “u pjuttost fjakka”; li jiġi stabbilit b’urġenza inventarju pubbliku waħdieni tal-assi kulturali ta’ Malta; li pajjiżna jirratifika l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà; u li flimkien ma’ skemi bħal ‘Irrestawra Darek’ ikun hemm fondi pubbliċi biex isir investiment fl-infrastruttura pubblika partikolarment fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana.
It-22 għaqda li ffirmaw id-dikjarazzjoni huma: Il-Kamra tal-Periti, Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, id-Dipartiment tal-Arkitettura u d-Disinn Urban (fi ħdan l-Università ta’ Malta), id-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Patrimonju Mibni (fi ħdan l-Università), id-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja (fi ħdan l-Università), is-Soċjetà Arkeoloġika ta’ Malta, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, l-għaqda ICOMOS – Malta, il-Fondazzjoni Wirt Artna, il-Malta Association of Professional Conservator-Restorers, Wirt Għawdex, Wirt San Ġwann, Wirt iż-Żejtun, l-għaqda tal-istudenti SACES, l-għaqda tal-istudenti EASA Malta, il-History of Art and Fine Arts Students’ Association, il-Friends of Villa Frere, is-Cinema Heritage Group, il-Malta Underground, it-Temple Rescue u l-Malta ARCH.
//= $special ?>