Total ta’ €1.3 miljun kienu ġew trasferiti fil-kumpanija ’17 Black’, skont storja ġdida żvelata minn grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali bħala parti mill-proġett ‘Forbidden Stories’.
Il-kumpanija 17 Black, imwaqqfa f’Dubaj, kienet oriġinarjament ġiet żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Skont id-dokumenti dokumenti ġodda żvelati, il-kumpanija ’17 Black’ kellha l-irwol li l-flus ta’ ġo fiha jgħaddu fil-kumpaniji sigrieti li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu bil-moħbi fil-Panama, jiġifieri l-kumpaniji ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’.
Jirriżulta li dawn il-wieħed punt tliet miljun ewro fil-kumpanija ’17 Black’ ta’ Dubaj waslu permezz ta’ żewġ pagamenti separati.
Pagament minnhom, kważi t-total kollu, wasal mingħand kumpanija mwaqqfa fis-Seychelles bl-isem ta’ ‘Mayor Trans’ – propjetà ta’ persuna mill-Ażerbajġan.
Pagament iżgħar, ta’ €160,000, wasal għand 17 Black mingħand kumpanija bl-isem ‘Orion Engineering’, kumpanija li s-sid tagħha huwa aġent lokali nvolut fil-proġett tat-tanker tal-gass.
Meta dawn il-flus għaddew għand 17 Black, bl-intenzjoni li jmorru fil-kumpaniji sigrieti tal-Panama, Konrad Mizzi kien Ministru tal-Enerġija responsabbli mill-proġett tal-powerstation tal-gass u t-tanker tal-gass f’Marsaxlokk.
Din hija t-tieni storja żvelata mill-grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali, wara l-istorja li l-Ministru Chris Cardona intlemaħ jitkellem f’bar ma’ wieħed mit-tliet qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – ftit ġimgħat wara l-karozza-bomba.
//= $special ?>