Lokali

HSBC Malta l-ewwel bank ewlieni li jħabbar pjan ta’ pensjoni għall-impjegati tiegħu

HSBC Bank Malta qed iħabbar it-tnedija ta’ pjan tal-pensjoni għall-impjegati liema pjan kien żviluppat b’kollaborazzjoni mal-Union tal-Impjegati tal-Banek ta’ Malta (MUBE).

Il-ħidma fuq din l-inizjattiva ilha għaddejja għal din l-aħħar sena. Il-pjan il-ġdid se joħloq mod effiċjenti biex l-impjegati jġemmgħu l-flus għall-irtirar tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta Andrew Beane qal: “HSBC għandu għal qalbu l-benesseri tal-impjegati tiegħu, inkluż il-benesseri finanzjarju tagħhom. Aħna impenjati li nappoġġjaw lill-kollegi tagħna għall-futur finanzjarju tagħhom, u nemmnu li dan il-pjan tal-pensjoni hu benefiċċju importanti ġdid li se jgħin lill-kollegi jippjanaw kemm għal għada kif ukoll għal-lum.”

Il-pjan jinvolvi kontribuzzjonijiet mill-impjegati bl-HSBC jagħti ukoll l-istess ammonti, filwaqt li se jkun żgurat li jinkisbu l-livelli ta’ kontribuzzjonijiet hekk miftiehma bejn l-HSBC u l-MUBE. Dawn imbagħad ikunu investiti permezz ta’ HSBC Life Assurance (Malta) Ltd, li jistgħu jirriżultaw fi tkabbir matul is-snin. Meta jirtiraw, l-impjegati jkunu jistgħu jużaw dawk il-flus disponibbli fil-pjan rispettiv tagħhom.

Il-pjan tal-pensjoni tfassal flimkien mal-MUBE permezz ta’ kumitat konġunt ta’ ħidma bejn l-HSBC u l-MUBE li ‘ltaqa’ b’mod regolari matul ix-xhur li għaddew biex din l-inizjattiva tkun tista’ titwettaq.  L-impjegati ta’ HSBC Malta se jirċievu aktar tagħrif dwar il-pjan tal-pensjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet interni kif ukoll f’laqgħat li se jsiru fil-fergħat u fl-uffiċċji differenti. Matul il-laqgħa għall-impjegati kollha tal-bank li saret dan l-aħħar sar workshop speċifiku dwar il-pensjonijiet u d-demografiji ta’ soċjetajiet żviluppati li qed jinbidlu.

“Bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-impjegati, dejjem emminna li hu importanti li l-MUBE tappoġġja lill-impjegati mhux biss meta jkunu qed jaħdmu imma ukoll għal meta jirtiraw. Ninsabu kburin li tajna l-appoġġ tagħna għal dan l-ewwel pjan tal-pensjoni għall-impjegati ta’ HSBC Bank Malta u nħeġġu lil ħafna kollegi biex jiksbu t-tagħrif meħtieġ ħalli jibbenefikaw minn dan il-pjan.  L-MUBE tittama ukoll li tippromwovi pjani simili f’organizzazzjonijiet fejn għandha rappreżentanza,” qal William Portelli, il-President tal-MUBE.