Erba’ punti hu d-distakk bejn il-leaders Juventus u Napoli qabel il-konfront tant mistenni ta’ bejniethom il-Ħadd li ġej li possibbilment jista’ jiddeċiedi fejn jista’ jmur il-kampjonat tas-Serie A. Dan wara li Juventus kienu miżmuma minn Crotone filwaqt li Napoli għelbu lil Udinese. Alex Sandro kien poġġa lil Juventus minn fuq fis-17-il minuta, iżda gowl mill-isbaħ ta’ Simy fil-65 minuta ġab id-draw għal Crotone.
Napoli kellhom jirkupraw darbtejn biex rebħu 4-2 kontra Udinese li għalihom kienet l-10 telfa konsekuttiva. Jakub Jankto fetaħ l-iskor fl-34 minuta, iżda Lorenzo Insigne ġab id-draw b’azzjoni tajba qabel tmiem l-ewwel taqsima. Udinese reġgħu marru minn fuq fil-55 minuta minn Svante Ingelsson, iżda disa’ minuti wara Raul Albiol ġab id-draw. Arkadiusz Milik poġġa lil Napoli minn fuq fis-70 minuta biex ħames minuti wara Lorenzo Tonelli għamilhom 4-2.
Roma u Lazio wieġbu għar-rebħa ta’ Inter ilbieraħ b’rebħiet li bihom reġgħu jinsabu fiż-żona Champions League. Roma għelbu lil Genoa 2-1 b’gowls ta’ Cengiz Under u awto-gowl ta’ Ervin Zukanovic, b’Gianluca Lapadula jnaqqas id-distakk għal Genoa.
Lazio għelbu 4-3 lil Fiorentina fi Stadio Artemio Franchi. Il-Viola kienu marru 2-0 minn fuq b’doppjetta ta’ Jordan Veretout, iżda Lazio ġabu d-draw fl-aħħar ħames minuti tat-taqsima minn Luis Alberto u Martin Caceres. Veretout għamilhom 3-2 għal Fiorentina, iżda Felipe Anderson u Luis Alberto skorjaw f’erba’ minuti biex taw ir-rebħa lit-tim ta’ Simone Inzaghi.
Pass falz minn Milan li spiċċaw 1-1 barra minn darhom kontra Torino, biex issa jinsabu 10 punti bogħod minn post fiċ-Champions League li realistikament huma ħafna. Huma kienu fetħu l-iskor fid-disa’ minuta minn Giacomo Bonaventura, iżda Lorenzo De Silvestri ġab id-draw fit-tieni taqsima.
Atalanta għelbu lil Benevento 3-0 b’gowls minn Remo Freuler, Musa Barrow u Alejandro Gomez, filwaqt li Sampdoria kellhom bżonn gowl lejn it-tmiem ta’ Duvan Zapata biex jegħlbu lil Bologna.
Gowl ta’ Mauricio Lemos fl-ewwel taqsima ta rebħa importanti lil Sassuolo fuq Verona filwaqt li Spal u Chievo spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.
//= $special ?>