Minn informazzjoni li poġġa’ fuq il-media soċjali s-Sindku tar-Rabat Għawdex, jidher li dalgħodu waqa’ parti mill-ħajt tal-foss taċ-Ċittadella.
Samuel Azzopardi stqarr illi jidher li dan seħħ “konsegwenza ta’ xogħolijiet fuq żvilupp li jmiss miegħu. Dan huwa diżastruż”.
Is-Sindku qed jittama li d-Dipartiment tal-Artijiet u s-Sovratendenza tal-beni kulturali “juru ż-żelu propizzju kif jafu juruh fejn iridu u kif ma rawhx meta ħallew għaddej tiċrit fil-ħajt biex jippermettu ftuħ fuq il-foss ta’ twieqi u bieb. Il-foss jinsab magħluq”.
Bħala Sindku ta’ Kunsill, Samuel Azzopardi ikkundanna s-skiet tal-Gvern u l-awtoritajiet li kaxxkru saqajhom.
Intant, il-Gvern fi stqarrija qal li l-awtoritajiet konċernati ġew avżati mill-ewwel biex tittieħed kull azzjoni meħtieġa u nħatret inkjesta maġisterjali skont il-liġi. Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Minn dak li jirriżulta mir-rapport preliminari, se jittieħdu passi biex min kien responsabbli mill-ħsara li twettqet iġorr ir-responsabbiltà dovuta.
//= $special ?>