Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

L-iskandlu ta’ Cambridge Analytica għandu jkun investigat – Roberta Metsola

“L-iskandlu ta’ Cambridge Analytica mhux biss hu dwar użu ħażin tal-informazzjoni, iżda wkoll dwar sistemi li nbnew għall-użu tajjeb u spiċċaw qed jintużaw kontrina. Irridu nassiguraw li l-elezzjonijiet u r-referenda li jkunu jidhru li huma ħielsa, huma fil-fatt ħielsa.”

L-MEP Roberta Metsola għamlet din id-dikjarazzjoni waqt diskors fis-sessjoni Plenarja fi Strasburgu dwar l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica u Facebook. Roberta Metsola, li hi l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fuq il-Kumitat tal-LIBE, qalet li għandha tiġi investigata r-rabta bejn l-abbuż tal-informazzjoni u l-proċessi demokratiċi.

Roberta Metsola qalet li “din hi era fejn l-informazzjoni hi prezzjuża, u meta politiċi bla skrupli u dawk li jappoġġjawhom jaslu biex jużaw u jabbużaw l-informazzjoni personali tagħna biex jagħmlu l-propoganda tidher bħala fatt, u biex ibiddlu r-riżultati tal-elezzjonijiet u r-referenda – dan hu l-maqlub tal-proċessi demokratiċi u aħna għandna nwieġbu.”

Metsola rreferiet direttament għal Cambridge Analytica u qalet li din il-kumpanija għandha ħafna xi twieġeb, fid-dawl tal-fatt li abbużat minn informazzjoni fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit u f’bosta stati membri, li jinkludu lil Malta. “F’ħafna każijiet, ma nafux min kienu n-nies li użaw lil Cambridge Analytica u għal liema raġuni kien hemm 6,000 Malti u Maltija u miljuni ta’ ċittadini Ewropej li ntalbet informazzjoni dwarhom, iżda rridu nsiru nafu,” qalet Roberta Metsola.

Hi temmet tgħid li dak li ġara fl-iskandlu ta’ Cambridge Analytica m’għandux jitħalla jerġa’ jseħħ, u li l-liġijiet għandhom ikunu lesti għall-futur.