Tkompli l-ħidma tal-klabb ta’ Marsaxlokk Brown’s Pharmacy biex isaħħaħ l-iskwadra tiegħu bi preparazzjoni għall-Kampjonat tas-sajf tal-Ewwel Diviżjoni. Ix-Xlukkajri laħqu ftehim maż-żagħżugħ Joseph Galea biex jingħaqad magħhom mingħand San Ġiljan b’kuntratt ta’ ħames snin.
Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena lagħab fl-Ewwel Diviżjoni lura fl-2015 b’self ma’ Ta’ Xbiex fejn kien skorja ħames gowls fil-kampjonat u ieħor fin-knock-out. Fl-aħħar sentejn Galea fforma parti mit-tim tal-kbar ta’ San Ġiljan. Hu kien skorja gowl fil-kampjonat tal-2016 u fil-kampjonat tas-sajf li għadda skorja erba’ gowls fit-tim ta’ San Ġiljan li ddomina l-kampjonat.
Sa issa Marsaxlokk laħqu wkoll ftehim maż-żagħżugħ Matteo Cacici u Luke Calleja biex jingħaqdu magħhom b’kuntratt ta’ erba’ snin. Ix-Xlukkajri laħqu ftehim ma’ Bryan Buhagiar biex itawwal il-perjodu tiegħu mal-klabb b’sentejn.
Lejn tmiem is-sena l-oħra, Marsaxlokk kienu diġà għamlu diversi akkwisti oħra. Huma akkwistaw lill-gowlkiper ta’ Sliema Ryan Coleiro, Sean Gravina mingħand Neptunes u lil Matthew Pace u Clyde Bonello li fl-istaġun li għadda lagħbu ma’ Ta’ Xbiex u Marsaskala rispettivament. Huma wkoll akkwistaw is-servizzi ta’ Michael Rizzo mingħand Valletta, lil Otis Zammit b’self u kkonfermaw għal sena oħra lil Claudio Spiteri Debarro.
Iċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni akkwistaw ukoll bħala barranin lit-Taljan ta’ 28 sena Stefano Luongo, u l-Ungeriż ta’ 33 sena Norbert Hosnyánszky li se jkun il-barrani prinċipali tat-tim.
//= $special ?>