Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Neymar qed jimmira li jkun fiżikament tajjeb qabel it-Tazza tad-Dinja

Neymar weġġa' fil-25 ta' Frar (Ritratt: EPA)

L-attakkant Brażiljan Neymar qed jimmira d-data tas-17 ta’ Mejju biex jirritorna għat-taħriġ u saħaq li se jaħdem aktar minn qatt qabel biex ikun preparat għat-Tazza tad-Dinja li tibda f’anqas minn xahrejn.

Il-plejer ta’ Paris Saint Germain, li sar l-aktar plejers li sewa flus meta ngħaqad minn ma’ Barcelona f’Awwissu li għadda, għamel operazzjoni f’siequ wara li weġġa’ fil-25 ta’ Frar.

Hu kien qed jirċievi t-trattament fil-Brażil u qal li qed jistenna jirritorna għat-taħriġ, eżattament xahar qabel mal-ħames darbiet champion tad-dinja jiftħu l-impenji tagħhom fit-Tazza tad-Dinja kontra l-Iżvizzera.

“Nirċievi t-test finali jekk mhux sejjer żball fis-17 ta’ Mejju imbagħad inkun nista’ nilgħab. Kelli test il-ġimgħa l-oħra u kollox hu perfett. Għalhekk nittama li nkompli biex nirritorna kemm jista’ jkun malajr.”

“Qed ikolli trattament kuljum, u mill-mument li bdejt nitħarreġ, qed naħdem aktar iebes għaliex din hi ħolma. Ili nistenna erba’ snin għal dan iċ-ċans, u nittama li nkun hemm fl-aħjar forma,” qal Neymar f’konferenza tal-aħbarijiet f’Sao Paulo.

Neymar lagħab mal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja tal-2014 iżda tilef is-semifinali kontra l-Ġermanja li fiha tilfu 7-1 minħabba li kien imweġġa’. Il-Brażiljani sabuha diffiċli fis-sentejn ta’ wara, iżda minn dakinhar tjiebu u se jmorru fir-Russja bħala wieħed mit-timijiet favoriti.