Attività li fiha kellu jkun hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ħassret.
L-attività, inawgurazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-Pulizija, kienet se ssir kmieni waranofsinhar – l-għada li ġew żvelati affarijiet ġodda ta’ natura kruċjali fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-inawgurazzjoni tal-karozzi distrettwali ġodda tal-Pulizija kienet se ssir barra l-għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa u għaliha kien se jattendi wkoll il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia.
F’post fuq Facebook, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar kiteb li din l-attività b’ċeremonja li kellha ssir quddiem l-għassa tal-Mellieħa tħassret. “Ikun interessanti li wieħed ikun jaf għalfejn tħassaret din l-attività”, kiteb id-Deputat Robert Cutajar.
Filwaqt li mhux magħruf x’inhi r-raġuni li wasslet biex din l-attività tħassret, NET News jinsab infurmat minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien se jkun preżenti għal din l-attività.
L-għada li l-grupp internazzjonali ta’ ġurnalisti magħrufa bħala ‘Forbidden Stories’ żvelaw li l-Ministru Chris Cardona kien jiffrekwenta l-istess bar fejn kien ikun wieħed mill-akkużati tal-qtil ta’ Caruana Galizia, hu mifhum li l-ġurnalisti riedu jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju.
Fost il-mistoqsijiet iqumu hemm il-mistoqsija dwar jekk l-investigaturi f’dan il-qtil humiex se jgħajjtu lill-Ministru Chris Cardona, speċjalment fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat.
Skont żewġ xhieda li kienu mitkellma separatament minn ġurnalisti li qed jaħdmu fil-proġett ‘Forbidden Stories’, Chris Cardona deher jixrob f’bar ma wieħed mill-qattiela.
Chris Cardona kien deskritt bħala klijent frekwenti ta’ dan il-bar fis-Siġġiewi. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan, il-Ministru qal li hu ma jiftakarx li kellu xi konverżazzjoni ma wieħed mit-tliet akkużati.
//= $special ?>