Wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ressaq protest ġudizzjarju kontra l-kummissarju tal-Pulizija għaliex naqas milli jassigura li l-evidenza kollha fil-qtil tinġabar għall-investigazzjoni.
Alfred Degiorgio, il-Fulu, għamel referenza għal dak li kien qal l-ispettur Keith Arnaud meta qal li l-qraba tal-ġurnalista ma ħallewx lill-Pulizija li jkollhom aċċess għal-laptop u għas-server li kellhom informazzjoni kruċjali dwar xogħol riċenti li kienet qed taħdem fuqu il-ġurnalista.
Degiorgio permezz tal-avukati tiegħu qal li informazzjoni hekk sensittiva kienet indispensabbli għall-investigazzjoni u possibilment kienet titfa’ dawl fuq persuni terzi li kienu involuti f’dan ir-reat.
Fil-protest intqal li dan in-nuqqas irid jiġi rranġat u għalhekk Alfred Degiorgio talab lill-kummissarju tal-Pulizija biex ifittxu, jsibu, janalizzaw u jressqu il-materjal li jsibu bħala evidenza. Jekk dan am jseħħx ma jeskludix li jittieħdu aktar azzjonijiet legali.
Il-protest ġudizzjarju kien iffirmat mill-avukat William Cuschieri.
//= $special ?>