Lokali

DAQQA KBIRA GĦALL-GVERN TA’ MUSCAT: Konrad Mizzi u Keith Schembri jinqabdu

It-tieni jum tad-Daphne Project tefa’ dawl ġdid fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri, u issa hemm evidenza ċara li skont dawn il-ġurnalisti tikkonferma kif il-kumpaniji sigrieti fil-Panama twaqqfu biex fihom jidħlu ammonti kbar ta’ flus mill-istess klijenti.

Il-Forbidden Stories – il-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali li qed jaħdmu fuq id-Daphne Project – ippubblikaw dokumenti awtentiċi li juru kif Konrad Mizzi u Keith Schembri, permezz tal-kumpanija sigrieta 17Black, kienu se jirċievu flejjes kbar, allegatament tixħim mill-proġett tat-tanker tal-gass.

Id-dokument t’hawn taħt ġie ppubblikat minn Süddeutsche Zeitung u Times of Malta.

Fir-reazzjoni tagħhom għal dan id-dokument, Konrad Mizzi u Keith Schembri ikkontradixxew lil xulxin.

Iċ-chief of staff f’Kastilja għall-ewwel darba irrikonoxxa l-eżistenza ta’ 17Black u qal li “kienet inkluża fil-pjan tan-negozju tiegħu”.

Konrad Mizzi minn naħa tiegħu baqa’ jinsisti li l-kumpaniji fil-Panama twaqqfu għall-familja, u ma kienux marbuta ma’ 17Black.

Is-sit LovinMalta qed jgħid li dan kollu juri li xi ħadd qed jigdeb. “Jew Nexia BT qed iħawwdu, jew Konrad Mizzi spara għal saqajh, jew it-tliet partijiet qed jigdbu”.

Id-dokumenti ppubblikati lbieraħ mill-Forbidden Stories juru wkoll illi kien il-Ministru Konrad Mizzi direttament li ffirma l-ftehim għat-tanker tal-gass f’Marsaxlokk. Arzu Azimov u Emil Bayramli dehru f’isem SOCAR Trading.

L-iffirmar sar fl-14 t’April 2015.

L-iskandlu tal-bejgħ tal-passaporti

L-istess ġurnalisti internazzjonali jitfgħu dawl fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li introduċa l-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan sar meta l-istess ġurnalisti saqsew lill-Kap Eżekuttiv tal-IIP ‘għaliex’ kienu provaw jagħlqu ħalq Caruana Galizia.

Id-domanda kienet “Għaliex il-Prim Ministru jikkonfoffa ma’ Kap Eżekuttiv biex jagħlqu ħalq ġurnalista?” U f’dan il-punt, il-Kap Eżekuttiv telaq ‘l hemm.