Mara ta’ 55 sena li kienet impjegata bħala nanny ma’familja fi New York instabet ħatja dwar l-omiċidju ta’ żewġt itfal fdati lilha li nqatlu b’daqqiet ta’ sikkina. L-imputata, Yoselyn Ortega, kienet ressqet it-talba li hi ‘ma kenitx mentalment f’sikkitha’ meta wettqet id-delitt, iżda l-ġuri sabha ħatja, unanimament, dwar sensiela ta’ reati u b’hekk tista’ teħel il-ħabs għal għomorha.
Il-prosekuturi qalu, fost oħrajn, li Ortega, kienet qed tkun ‘mimlija rabja’ għaliex ħasset li l-familja li kienet impjegata magħha stenniet iżżejjed mingħandha fir-rigward ta’ xogħol.
Il-katavri mdemmija ta’ Lucia u Leo Krim (ta’ sitt snin u sentejn rispettivament) kienu nstabu minn ommhom fil-kamra tal-banju tal-appartament lussuż tal-familja, fiz-zona ta’ Manhattan. L-omiċidju doppju seħħ fil-25 ta’ Ottubru tal-2012 u l-omm tal-ulied, Marina Krim, iddikjarat, fil-qorti, li hi kienet rat lil Ortega tagħti daqqa ta’ sikkina f’għonqha stess f’attentat ta’ suwiċidju.
Dakinar tal-qtil doppju, Marina Krim kienet marret id-dar ma’ bintha ċkejkna ta’ tliet snin, wara li Ortega naqset milli żżomm appuntament għal lezzjoni taż-żfin għat-traġika Lucia. Il-pulizija li daħlu fl-appartament fil-jum fatali, aktar tard, kienu sabu lil Marina Krim fi stat ta’ isteriżmu assolut u viċin il-katavri ta’ uliedha.
Fl-ISTATI UNITI: Ħatja li qatlet zewġt itfal li kienu fdati lilha


