Membru tal-Kunsill tal-FIFA kien arrestat il-bieraħ fuq akkużi ta’ korruzzjoni. Constant Omari li hu wkoll il-Viċi President tal-Konfederazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Afrikani kien arrestat f’pajjiżu l-Congo, bl-ordni tal-arrest tiegħu tinħareġ minn Luzolo Bambi, konsulent tal-President tal-Congo Joseph Kabila dwar il-korruzzjoni.
Omari li hu wkoll il-President tal-FA tal-Congo kien arrestat flimkien ma’ żewġ uffiċjsli tal-federazzjoni tal-Congo, kif ukoll ma’ uffiċjal fil-ministeru tal-isport fil-Congo. Huma għadhom arrestati fejn qed ikunu interrogati fil-bini tal-qorti fil-kapitali Kinshasa.
L-erba’ persuni qed ikunu nvestigati dwar akkużi li ħadu għalihom fondi li kienu allokati mill-gvern tal-Congo lill-FA tal-Congo, fondi li kienu intenzjonati għat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Congo kif ukoll fondi biex ikunu megħjuna klabbs li jiehdu sehem fil-kompetizzjonijiet tat-tazza Afrikan tal-klabbs.
Kelliem għall-prosekutur li qed imexxi l-inkjesta qal li qed tkun imfittxija wkoll il-ħames persuna f’din l-investigazzjoni. Dan hu l-President tal-Kumitat Olimpiku tal-Congo, li jidher li hu maħrub u qed issir tfittxija għalih.
Il-persuni arrestati flimkien ma’ Omari huma l-Viċi President tal-FA Theobald Binamungu, il-kontrollur finanzjarju tal-FA Roger Bondembe u s-segretarju ġenerali fil-ministeru tal-isport Barthelemy Okito.
Dawn l-arresti wara ġimgħat li nqalgħet kwistjoni bejn il-gvern u l-FA dwar allokazzjoni ta’ fondi għall-klabbs tal-Congo u t-tim nazzjonali. Id-diżgwid kien dwar l-ammont mitlub mill-FA li kien ta’ miljun dollaru, ammont li kien meqjus bħala eseġerat mill-uffiċjali tal-gvern, u ammont li eventwalment qajjem is-supettiu biex bdew l-investigazzjonijiet li l-bieraħ waslu għall-arrest ta’ dawn il-persuni.
Omari li għandu 60 sena kien elett fil-kunsill tal-FIFA fis-sena 2015, u jifforma parti minn seba’ memebri Afrikani minn total ta’ 37 membru tal-Kunsill li hu mmexxi milkl-President tal-FIFA Gianni Infantino.
Omari li kien diġa’ membru fl-eżekuttiv tal-CAF (Konfederazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Afrikani), is-sena l-oħra kien maħtur ukoll bħala wieħed miż-żewġ Viċi-Presidenti tal-CAF.
Intant wara dawn l-arresti l-League tal-Congo issospenda l-logħbiet kollha li kellhom jintlagħbu biex juri solidarjeta’ ma’ Omari u maż-żewġ uffiċjali l-oħra tal-FA tal-Congo. Fi stqarrija maħruġa mil-League tal-Congo intqal li huma ġew umiljati u mċaħħda mil-liberta’ tagħhom.
//= $special ?>